Se jilgħabu f’Grupp Ċ u fl-aħħar edizzjoni tal-Euro kienu fil-162 post fir-rankings tal-FIFA. Illum jinsabu fit-62 post
Għandhom l-inqas ranking tal-FIFA minn fost l-24 pajjiż finalist u għalihom din l-edizzjoni se tkun waħda storika għaliex qatt qabel ma kienu lagħbu f’dan il-livell. Dawn huma l-Maċedonja ta’ Fuq. Fl-2016, meta kien saret l-aħħar edizzjoni tal-Euro, dan il-pajjiż kien fil-162 post fid-dinja. Illum jinsab fit-62 post u għamilha għall-finali tal-Euro 2020 wara li rebaħ il-play-off li lagħab kontra l-Georgia.


Fl-attakk tal-Maċedonja se jkun qed jilgħab Goran Pandev, li x-xahar li ġej jagħlaq 38 sena.
Dakinhar il-gowl deċiżiv li fisser kollox, kien skorjat mill-attakkant ta’ Genoa, li x-xahar li ġej jagħlaq 38 sena, Goran Pandev. Ikun xokk kbir kieku Pandev, li hu l-captain tat-tim, fl-aħħar partita tal-Euro 2020, f’Wembley Stadium, ikun hu li jgħolli t-trofew ta’ champions tal-Ewropa. Diġà hi sorpriża kbira li l-Maċedonja ta’ Fuq jinsabu fost it-timijiet finalisti u għalhekk kull ħaġa li se jkunu qed jirbħu f’din il-kompetizzjoni se jkun bonus addizzjonali għal dan il-pajjiż li ħareġ mill-eks Jugoslavja.
Kowċ Igor Angelovski jippreferi l-aktar modulu tattiku ta’ 4-2-3-1 iżda fl-istess waqt kapaċi jkun flessibli fit-tattika li jagħżel

F’Ottubru tal-2015, Igor Angelovski kien sar il-kowċ il-ġdid tal-Maċedonja ta’ Fuq. Ħadd ma bassar x’kien se jiġri. L-ewwel missjoni tiegħu kienet diffiċli, iżda suċċess. Ikkonvinċa lil Pandev jirritorna jilgħab ma’ pajjiżu, sentejn wara li kien irtira. Madwar Pandev, Angelovski beda’ jibni skwadra żagħżugħa u b’talent. Seba’ plejers ta’ taħt il-21 sena, li fl-2017 kienu parti mit-tim li kkwalifika għall-ewwel darba għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena, kienu promossi għal mat-tim tal-kbar. Dak li ġara wara kien biżżejjed biex Angelovski, Pandev u l-bqija tal-iskwadra, kitbu paġna oħra storika għall-futbol f’dan il-pajjiż; kwalifikazzjoni għall-Euro 2020.

Fil-bidu ta’ din is-sena kellna kontinwazzjoni ta’ riżultati pożittivi, tant li f’Marzu li għadda, f’Duisburg huma għelbu lil Ġermanja 2-1, fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Għalkemm Angelovski jippreferi sistema tattika ta’ 4-2-3-1, it-tattika li lagħbu biha l-Maċedonja ta’ Fuq fl-aħħar partiti kienet dejjem tvarja. Apparti Pandev, it-talent tal-midfielder Enis Bardhi, flimkien mal-utilità tal-plejers li jilagħbu mal-ġnub tal-pitch, fosthom Ezgjan Alioski, Stefan Ristovski u Eljif Elmas, jagħtu valur miżjud lil din l-iskwadra novizza f’din il-kompetizzjoni.
Is-26 plejer tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-Euro 2020
Kowċ: Igor Angelovski


Gowlkipers: Stole Dimitrievski (Rayo Vallecano), Damjan Shishkovski (Doxa), Riste Jankov (Rabotnicki Skopje)
Difensuri: Stefan Ristovski (Dinamo Zagreb), Visar Musliu (Fehervar), Egzon Bejtulai (Shkendija), Kire Ristevski (Ujpest), Gjoko Zajkov (Charleroi), Darko Velkovski (Rijeka), Ezgjan Alioski (Leeds United)


Midfielders: Arijan Ademi (Dinamo Zagreb), Enis Bardhi (Levante), Stefan Spirovski (AEK Larnaca), Boban Nikolov (Lecce), Tihomir Kostadinov (Ruzomberok), Ferhan Hasani (Partizani Tirana), Eljif Elmaz (Napoli), Daniel Avramovski (Kayzerispor), Darko Churlinov (Vfb Stuttgart), Marjan Radeski (Akademija Pandev)
Attakkanti: Goran Pandev (Genoa), Aleksandar Trajkovski (Real Mallorca), Ivan Trichkovski (AEK Larnaca), Vlatko Stojanovski(Chambly), Krste Velkovski (Sarajevo), Milan Ristovski (Spartak Trnava)
