EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Analiżi | Il-Maċedonja ta’ Fuq għandhom l-inqas ranking tal-FIFA u se jilagħbu bla pressjoni

Fi Frar tal-2019, wara snin twal ta' tilwim diplomatiku, il-Maċedonja biddel ismu bħala stat għal Maċedonja ta' Fuq

Se jilgħabu f’Grupp Ċ u fl-aħħar edizzjoni tal-Euro kienu fil-162 post fir-rankings tal-FIFA. Illum jinsabu fit-62 post

Għandhom l-inqas ranking tal-FIFA minn fost l-24 pajjiż finalist u għalihom din l-edizzjoni se tkun waħda storika għaliex qatt qabel ma kienu lagħbu f’dan il-livell. Dawn huma l-Maċedonja ta’ Fuq. Fl-2016, meta kien saret l-aħħar edizzjoni tal-Euro, dan il-pajjiż kien fil-162 post fid-dinja. Illum jinsab fit-62 post u għamilha għall-finali tal-Euro 2020 wara li rebaħ il-play-off li lagħab kontra l-Georgia.

Elif Elmas u Goran Pandev jiċċelebraw flimkien wara wieħed mill-gowls tal-Maċedonja ta’ Fuq fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020
Goran Pandev hu l-akbar ispirazzjoni tal-Maċedoni. Jilgħab fis-Serie A ma’ Geona u mat-tim nazzjonali hu lagħab 114-il partita u skorja xejn inqas minn 36 gowl.

Fl-attakk tal-Maċedonja se jkun qed jilgħab Goran Pandev, li x-xahar li ġej jagħlaq 38 sena.

Dakinhar il-gowl deċiżiv li fisser kollox, kien skorjat mill-attakkant ta’ Genoa, li x-xahar li ġej jagħlaq 38 sena, Goran Pandev. Ikun xokk kbir kieku Pandev, li hu l-captain tat-tim, fl-aħħar partita tal-Euro 2020, f’Wembley Stadium, ikun hu li jgħolli t-trofew ta’ champions tal-Ewropa. Diġà hi sorpriża kbira li l-Maċedonja ta’ Fuq jinsabu fost it-timijiet finalisti u għalhekk kull ħaġa li se jkunu qed jirbħu f’din il-kompetizzjoni se jkun bonus addizzjonali għal dan il-pajjiż li ħareġ mill-eks Jugoslavja.

Kowċ Igor Angelovski jippreferi l-aktar modulu tattiku ta’ 4-2-3-1 iżda fl-istess waqt kapaċi jkun flessibli fit-tattika li jagħżel

Igor Angelovski llu fit-tmexxija tal-Maċedonja ta’ Fuq minn Ottubru tal-2015. F’Marzu li għadda mexxa lit-tim nazzjonali għall-aqwa riżultat miksub fiż-żmienu bħala kowċ, b’rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ġermanja, f’Duisburg.

F’Ottubru tal-2015, Igor Angelovski kien sar il-kowċ il-ġdid tal-Maċedonja ta’ Fuq. Ħadd ma bassar x’kien se jiġri. L-ewwel missjoni tiegħu kienet diffiċli, iżda suċċess. Ikkonvinċa lil Pandev jirritorna jilgħab ma’ pajjiżu, sentejn wara li kien irtira. Madwar Pandev, Angelovski beda’ jibni skwadra żagħżugħa u b’talent. Seba’ plejers ta’ taħt il-21 sena, li fl-2017 kienu parti mit-tim li kkwalifika għall-ewwel darba għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena, kienu promossi għal mat-tim tal-kbar. Dak li ġara wara kien biżżejjed biex Angelovski, Pandev u l-bqija tal-iskwadra, kitbu paġna oħra storika għall-futbol f’dan il-pajjiż; kwalifikazzjoni għall-Euro 2020.

Il-partitarji tal-futbol fil-Maċedonja ta’ Fuq huma ħerqana għad-debutt storiku tat-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom fil-Euro 2020

Fil-bidu ta’ din is-sena kellna kontinwazzjoni ta’ riżultati pożittivi, tant li f’Marzu li għadda, f’Duisburg huma għelbu lil Ġermanja 2-1, fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Għalkemm Angelovski jippreferi sistema tattika ta’ 4-2-3-1, it-tattika li lagħbu biha l-Maċedonja ta’ Fuq fl-aħħar partiti kienet dejjem tvarja. Apparti Pandev, it-talent tal-midfielder Enis Bardhi, flimkien mal-utilità tal-plejers li jilagħbu mal-ġnub tal-pitch, fosthom Ezgjan Alioski, Stefan Ristovski u Eljif Elmas, jagħtu valur miżjud lil din l-iskwadra novizza f’din il-kompetizzjoni.

Is-26 plejer tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-Euro 2020

Kowċ: Igor Angelovski

Stole Dimitrievski

Gowlkipers: Stole Dimitrievski (Rayo Vallecano), Damjan Shishkovski (Doxa), Riste Jankov (Rabotnicki Skopje)

Difensuri: Stefan Ristovski (Dinamo Zagreb), Visar Musliu (Fehervar), Egzon Bejtulai (Shkendija), Kire Ristevski (Ujpest), Gjoko Zajkov (Charleroi), Darko Velkovski (Rijeka), Ezgjan Alioski (Leeds United)

Ezgjan Alioski
Arijan Ademi

Midfielders: Arijan Ademi (Dinamo Zagreb), Enis Bardhi (Levante), Stefan Spirovski (AEK Larnaca), Boban Nikolov (Lecce), Tihomir Kostadinov (Ruzomberok), Ferhan Hasani (Partizani Tirana), Eljif Elmaz (Napoli), Daniel Avramovski (Kayzerispor), Darko Churlinov (Vfb Stuttgart), Marjan Radeski (Akademija Pandev)

Attakkanti: Goran Pandev (Genoa), Aleksandar Trajkovski (Real Mallorca), Ivan Trichkovski (AEK Larnaca), Vlatko Stojanovski(Chambly), Krste Velkovski (Sarajevo), Milan Ristovski (Spartak Trnava)

Aleksandar Trajkovski