Lokali

Raġel jitlef ħajtu wara li jaqa’ minn għoli f’Ħal Far

Raġel Taljan tilef ħajtu traġikament wara li waqa’ madwar erba’ sulari meta kien qed jagħmel xogħol fuq saqaf ta’ fabbrika fiż-Żona Industrijali ta’ Ħal Far.

L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-11.30. Jidher li r-raġel li għandu 40 sena, tilef ħajtu fuq il-post kawża tal-feriti serji li ġarrab.

Immedjatament fuq il-post wasal tim mediku sabiex jagħti l-ewwel għajnuna kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili u pulizija, iżda minkejja t-tentattivi kollha, sfortunatament ir-raġel tilef ħajtu fuq il-post.

Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.