Lokali Unjoni Ewropea

€90 biljun f’fondi tal-UE lesti biex jintużaw wara li l-ESF ġie approvat b’mod b’saħħtu mill-PE

Fl-ewwel Sessjoni Plenarja li qed issir fi Strasburgu mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-10, il-Parlament Ewropew ta l-appoġġ b’saħħtu tiegħu għall-Fond Soċjali Ewropew, li ġie innegozjat mir-Rapporter tal-Parlament l-MEP David Casa. B’hekk, kważi €90 biljun jistgħu jibdew jintużaw mis-27 Gvern tal-Istati Membri tal-UE permezz ta’ diversi skemi, għas-seba’ snin li ġejjin.

Fir-reazzjoni tiegħu għall-addozzjoni ta’ dan il-fond li ma kellux bżonn voti peress li ma tressquex emendi, il-Membru Malti David Casa qal: “Illum hi ġurnata sabiħa għall-Ewropa. Dan il-pass, biex nipprovdu kważi €90 biljun lill-Istati Membri tal-UE biex jintużaw biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej kollha, wasal wara ġranet twal ta’ laqgħat u negozjati li ħallew il-frott. Din hi l-ħidma tagħna bħala MEPs: inġibu l-aqwa riżultati għall-elettorat, nipprovdu flus biżżejjed lill-Gvernijiet biex jużawhom fl-interess taċ-ċittadini kollha.” Il-vot tal-lum sar wara li l-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali approva l-istess fond, f’vot nhar it-Tnejn li għadda.

Issa jkunu l-Istati Membri li jibdew iniedu skemi diversi biex jużaw is-somma ta’ flus allokata mill-ESF, minn din is-sena sal-2027. “Jien issa nappella lill-Gvern Malti biex jibda juża dawn il-flus b’mod immedjat. Ninsab ħerqan biex nara lill-Maltin u lill-Għawdxin jużaw dawn il-fondi,” qal l-MEP Casa. Dawn il-fondi jintużaw fi skemi diversi, ħafna minnhom jkunu amministrati mill-Jobs Plus, imma mhux biss. Fost l-oħrajn, dawn il-fondi tal-UE jistgħu jintużaw:

  • għal ħaddiema biex itejbu l-ħiliet tagħhom permezz ta’ diversi korsijiet ta’ taħriġ,
  • għal ħaddiema biex min iħaddimhom jinkoraġġihom biex isaħħu dak li jipproduċu u biex ikomplu jikbru f’dak il-post tax-xogħol,
  • għal individwi li tilfu xogħolhom waqt il-pandemija, u jridu jsibu post tax-xogħol ġdid,
  • għal dawk l-aktar fil-bżonn biex jingħatawlhom affarijiet bażiċi bħall-ikel,
  • għal persuni b’diżabilità biex ikun assigurat li dawn jingħataw l-opportunitajiet,
  • permezz ta’ diversi skemi li jassiguraw li ż-żgħażagħ kollha jingħataw l-edukazzjoni, it-taħriġ jew l-opportunità li jaħdmu,
  • kif ukoll b’diversi skemi mmexxija mill-kunsilli lokali fil-komunitajiet differenti f’Malta u f’Għawdex.

Dwar in-negozjati, l-MEP Casa qal: “Għalija kien kruċjali li qbilna fuq qafas bilanċjat. Fil-fatt, irnexxielna nagħtu lill-Istati Membri l-flessiblità biex nassiguraw li jkunu jistgħu jużaw il-flus fejn l-aktar li hemm bżonn, waqt li fl-istess ħin assigurajna li ċertu ammonti jintużaw fuq numru ta’ prijoritajiet, bħall-Garanzija tat-Tfal u l-Garanzija taż-Żgħażagħ.”

David Casa, li jifforma parti mill-Bureau tal-PE fir-rwol tiegħu ta’ Kwestur, ilu jinnegozja l-Fond Soċjali Ewropew mill-bidu ta’ din il-leġislatura, hekk kif mexxa negozjati diffiċli kemm fi ħdan il-Parlament, kif ukoll mad-diversi Presidenzi tal-Kunsill. Il-qbil finali mal-Kunsill intlaħaq f’Jannar li għadda.