Internazzjonali

Franza: Il-Parlament tal-Ewropa jirritorna fi Strasbourg fost messaġġi ta’ tama u fiduċja

Il-Parlament tal-Ewropa jinsab għaddej bl-ewwel sessjoni fil-belt Franċiża ta’ Strasbourg mindu l-pandemija tal-coronavirus ħakmet lill-Ewropa minn tarf sa tarf – bis-sessjoni ta’ din il-ġimgħa qed tikun imfissra bħala pass ferm importanti lejn sitwazzjoni aktar normali.

Għalkemm in-numru ta’ MEPs fi Strasbourg mhux wieħed numeruż, ir-ritorn tal-Assemblea Ewropea lejn din il-belt Franċiża hu anki sinjal ta’ era ġdida għall-Ewropa, bil-President tal-Parlament, David Sassoli, isostni li l-aħħar żviluppi għandhom jittieħdu bħala ‘sinjali ta’ tama u fiduċja għal kulħadd’.

F’ċirkostanzi normali, il-Parlament Ewropew jorganizza s-sessjonijiet fi Brussell ( fil-Belġju) kif ukoll fi Strasbourg, b’dawn il-laqgħat jalternaw bejn iż-żewġ ċentri leġislattivi u skont il-programmi inkwistjoni.

Madankollu, l-aħħar sessjoni plenarja għall-Parlament Ewropew fi Strasbourg kienet tmur lura għal Frar tal-2020 u minn dak iż-żmien, ix-xogħol u l-impenji kollha tal-assemblea kienu seħħew fi Brussell.

Sadanittant, is-Speaker tal-Parlament Ewropew, Jaume Duch, ukoll irrefera għas-sessjoni attwali li għaddejja fi Strasbourg bħala ‘sinjal taż-żmenijiet’ u żvilupp importanti fi żmien meta l-Ewropa qed tagħmel passi lejn in-normalità wara kriżi kważi bla preċedent għall-maġġoranza assoluta tal-Ewropej.

Min-naħa tagħha, Fabienne Keller, is-Sindku ta’ Strasbourg u li hi wkoll MEP, fissret ir-ritorn tal-Parlament f’din il-belt bħala ‘ir-ritorn tad-demokrazija Ewropea’.

Madankollu, jibqa’ il-fatt li l-parti kbira tad-deputati Ewropej għażlu li jipparteċipaw fis-sessjonijiet u l-voti tal-Parlament b’mod virtwali u fejn għażlu li ma jivvjaġġawx minn pajjiżhom lejn Strasbourg. Dan il-fatt, fih innifsu, jindika li minkejja l-arja ta’ pożittività, is-sitwazzjoni għadha ‘il bogħod minn waħda ta’ ‘business as usual’ minħabba l-element ta’ theddida mill-Covid-19.

Il-belt ta’ Strasbourg – il-kapitali tar-reġjun ta’ Alsace – hi wkoll simbolu tar-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja wara t-Tieni Gwerra Dinjija minbarra li sservi bħala s-sede uffiċjali tal-Parllament Ewropew.

Iżda anki minn qabel il-pandemija tal-Covid-19, l-MEPs kienu jmorru fi Strasbourg biss  għal tlett ijiem u nofs fix-xahar biex jattendu s-sessjonijiet plenarji. Dan waqt li l-ispejjeż tal-vjaġġi – jew ‘shuttling’ – bejn Brussell u Strasbourg għall-MEPs ilhom is-snin suġġetti għal dibattitu fi ħdan l-Unjoni Ewropea.