EURO 2020 Sport

Il-Portugall b’rebħa fuq l-Iżrael fl-aħħar partita ta’ ħbiberija qabel il-Euro 2020

(Ritratt: EPA)

Portugall 4 Iżrael 0

Ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni tal-Euro 2016, il-Portugall, għelbu lil Iżrael bl-iskor ta’ 4-0, fl-aħħar partita tagħhom qabel il-Euro 2020. Huma marru fil-vantaġġ fit-42 minuta meta minn pass ta’ Joao Cancelo, kien il-midfielder ta’ Man Utd Bruno Fernandes li kkonkluda ġewwa għal 1-0. Biex żewġ minuti wara rdoppjaw meta mill-pass din id-darba ta’ Fernandes, kien l-attakkant prolifiku u l-captain Portugiż Cristiano Ronaldo li tefa’ ġewwa għal 2-0. Fis-86 minuta il-Portugall skorjaw it-tielet gowl meta Joao Cancelo qata’ tajjeb mil-lemin u b’xutt bid-dawra għeleb lil gowlkiper ta’ Iżrael Ofir Marciano għal 3-0. Il-Portugiżi skorjaw ir-raba’ gowl fil-91 minuta bi ġmiel ta’ xutt ta’ Bruno Fernandes għal doppjetta personali. Il-Portugall jiftħu l-impenji tagħhom fil-Euro 2020 nhar it-Tlieta kontra l-Ungerija fi Grupp F.

Agħfas fil-link biex issegwi siltiet mill-partita bejn il-Portugall u Iżrael