Ambjent Lokali

Irridu aktar għaqal u ‘expertise’ teknika fl-implimentazzjoni tad-direttiva Ewropea fid-delizzju tal-insib

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li d-delizzju tal-insib reġa’ spiċċa quddiem il-Qorti Ewropea minħabba nuqqas ta’ għaqal mill-Gvern li jrid jimplimenta dawn il-liġijiet.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan id-delizzju għandu jiġi pprattikat mingħajr il-ħtieġa ta’ konfrontazzjoni kontinwa u nesprimu s-solidarjeta’ man-nassaba li jridu jipprattikaw iddelizzju tagħhom fi kwadru ta’ sostennibilitá fit-tul.

Dan filwaqt li ser naħdmu biex naraw li jiġu esplorati l-possibiltajiet kollha li tagħti d-Direttiva Ewropa bħal ma jsir f’pajjiżi oħra.
Id-delizzji jistgħu jiġu prattikati fi kwadru ta’ liġijiet ċari b’implimentazzjoni tajba għaliex mill-konfrontazzjoni kontinwa jgawdi biss min jikser il-liġi u jbati kemm id-dilettant kif ukoll min irid igawdi l-ambjent.

Il-Partit Nazzjonalista jappoġja wkoll l-inizjattivi tad-dilettanti bil-ħsieb li jkun hemm aktar għarfien dwar l-għasafar li jpassu minn Malta u jaqbel fil-prinċipju ma’ insib għal skopijiet xjentifiċi u ma’ delizzju sostenibbli skond ir-regoli.

Partit Nazzjonalista fil-Gvern jimpenja ruħu li, bl-għajnuna ta’ esperti tekniċi, jesplora b’aktar serjeta’ l-possibilitajiet ta’ nsib sostenibbli konformi mad-Direttiva Ewropea, u dan billi jara li jkun hemm implimentazzjoni serja u korretta li ttemm darba għal dejjem il-proċedimenti talKummissjoni Ewropea kontra Malta.