Lokali Parlament

It-tkabbir tal-ekonomija mhux qed iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja

Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal fil-parlament li t-tkabbir tal-ekonomija waħdu ma jfissirx bilfors titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Hu tkellem dwar l-importanza li l-banek Maltin ikunu mħarsa għaliex dan ifisser li l-pajjiż ikun qed jipproteġi d-depożiti u l-ekonomija. B’hekk l-UE tkun qed tiggarantixxi l-istabbiltà.

Kevin Cutajar enfażizza l-importanza li l-kriżijiet finanzjarji jkunu trattati fi stat bikri. Hu semma’ l-kriżi finanzjarja internazzjonali tal-2009 u qal li din il-kriżi ġabet problemi kbar bil-konsegwenza li kienu ċ-ċittadini Ewropej li ħassu gal din il-kriżi.

Kien fl-2010 li bdiet tinħoloq is-salvagwardja neċessarja. L-UE trid tassigura li terġax tirrepeti s-sitwazzjoni tal-kriżi internazzjonali ta’ 10 snin ilu fejn kien hemm pajjiżi li kkrollaw u spiċaw umiljati.

Hu qal li m’hemm l-ebda garanzija li d-dinja mhux se terġa’ tgħaddi minn kriżi finanzjarja bħal dik. Malta ma jistax ikollha garanzija li mhux se tintlaqat minn kriżi bħal dik.

Id-deputat Nazzjonalista qal li kien gvern Nazzjonalista mmexxi mill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi li ħa deċiżjonijiet għaqlin biex l-ekonomija Maltija ma kinitx effettwata bil-qawwi minn dik il-kriżi finanzjarja.

Kevin Cutajar semma’ l-bank Pilatus u qal li għad hemm ħafna mistoqsijiet dwar l-operat tiegħu fosthom min kienu l-esponenti tal-PL li kienu qed jinqdew b’dak il-bank, kemm għaddew flus, kif ingħaddew u x’kien għaddej minn dak il-bank. Il-gvern Laburista ħalla li jsiru ċertu attivitajiet f’dak l-bank; liema operat għamel ħsara lis-settur bankarju fil-pajjiż.

Hu qal li fl-aħħar tmien snin il-gvern għamel minn kollox biex l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma jiffunzjonawx; il-gvern ħab din is-sitwazzjoni b’idejh stess.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern Laburista ġibed l-attenzjoni internazzjonali fuq il-pajjż minħabba dawn iċ-ċirkostanzi negattivi. Hu sostna li kontrarjament għal dan, il-PN attira investiment serju lejn il-pajjiż.