Lokali

L-aħwa Degiorgio mibgħuta għand il-Europol bl-informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lill-aħwa George u Alfred Degiorgio għand il-Europol biex jgħaddu kwalunkwe informazzjoni li għandhom dwar l-allegati reati li jinvolvu lill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u lill-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona.

Il-ġurnal Times of Malta żvela kif tnejn mit-tliet persuni akkużati bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kitbu lill-Kummissjoni Ewropea għax qalu li l-membri tal-Kabinett kellhom kunflitt ta’ interess meta ddeċiedew kontra l-Maħfra Presidenzjali tagħhom, ladarba l-aħwa kienu qed jimplikaw eks kollega tagħhom fl-assassinju tal-ġurnalista u lil kollega attwali f’reat kbir ieħor.

George u Alfred Degiorgio qalu lill-Kummissjoni Ewropea li jħossu li l-Kabinett ma tahomx l-immunità għax ma riedx jisma’ l-informazzjoni li għandhom dwar dak li sejħu bħala “l-involviment tal-Istat” f’dawn ir-reati serji ħafna.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders qal li, ladarba l-Kummissjoni m’għandhiex poteri tintervjeni fil-mod kif il-Ġustizzja titmexxa ta’ kuljum fl-Istati Membri, l-aħwa għandhom jikkuntattjaw lill-Europol.

Spjegalhom li, bħala l-Aġenzija tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea li qed issegwi mill-qrib u tappoġġja l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju, aktarx li tkun interessata fl-informazzjoni li għandhom.

Fakkar kif, minkejja li l-Kummissjoni ma tistax tikkummenta dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin f’pajjiżna, enfasizzat kemm-il darba l-ħtieġa li l-ħidma tkun ‘il bogħod minn kwalunkwe interferenza politika.