Internazzjonali

L-Ingilterra: ‘L-ebda konsultazzjoni’ dwar isem it-tarbija tal-Prinċep Harry u Meghan

Sorsi qrib il-Palazz ta’ Buckingham qalu li r-Reġina Eliżabetta ma kenitx ikkonsultata dwar l-isem tat-tarbija li għadha kemm twieldet lill-Prinċep Harry, in-neputi tagħha, u martu Meghan id-Dukessa ta’ Sussex. It-tarbija – tifla – twieldet ftit jiem ilu lill-koppja li qed tgħix l-Istati Uniti u ssemmiet Lilibet – li hu l-laqam tal-Familja Rjali għar-Reġina nnfisha….Laqam li ilu mindu Eliżabetta kienet għadha tifla żgħira.

Intant, kibret il-polemika dwar il-possibbiltà li Harry u Meghan fl-ebda ħin ma tkellmu mar-Reġina dwar l-għażla tal-isem. Fl-istess ħin, diversi sorsi qed jikkuntestaw ir-rapporti li ‘il-Prinċep Harry u Meghan kienu tkellmu mar-Reġina ftit qabel it-twelid’.

Madankollu, kelliema għall-koppja Sussex qalu li huma ma kenux se jużaw l-isem Lilibeth li kieku ma kellhomx l-approvazzjoni tar-Reġina. Il-kelliema komplew li ‘ir-Reġina, għall-kuntrarju, kienet l-ewwel membru tal-Familja Rjali li kienet infurmata dwar it-twelid’ waqt telefonata bejnha u l-Prinċep Harry.

Hawnhekk ingħad ukoll li ‘matul it-telefonata kien hemm diskors ċar dwar il-possibbiltà li t-tarbija tissemma Lilibeth fl-unur tar-Reġina u li kieku r-Reġina rrifjutat, kien se jingħażel isem ieħor għat-tieni wild tal-koppja’.