Coronavirus Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

L-UE tapprova ċ-Ċertifikat Diġitali tal-Covid-19

Mhux meqjus bħala ċertifikat għall-ivjaġġar

Il-plenarja approvat ir-Regolamenti l-ġodda dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b’546 voti favur, 93 kontra u 51 astensjoni.

Approvat ukoll iċ-ċertifikat għal pajjiżi terzi, b’553 voti favur, 91 kontra u 46 astensjoni.

Iċ-ċertifikat se jinħareġ mingħajr ħlas mill-awtoritajiet nazzjonali u jkun disponibbli jew f’forma diġitali jew stampata u jkun fih QR code. Id-dokument se jiċċertifika li persuna tkun ġiet ivvaċċinata kontra l-COVID-19 jew, inkella, li riċentement kellha riżultat negattiv għal test, jew li tkun irkuprat mill-infezzjoni. Fil-prattika, dawn se jkunu tliet ċertifikati separati. Qafas komuni tal-UE se jagħmel iċ-ċertifikati interoperabbli u verifikabbli madwar l-Unjoni Ewropea kollha, kif ukoll jipprevjeni l-frodi u l-falsifikazzjoni.

Is-sistema se tapplika mill-1 ta’ Lulju u tkun fis-seħħ għal 12-il xahar.

Iċ-ċertifikat ma jkunx prekundizzjoni għall-moviment ħieles u mhux se jitqies bħala dokument tal-ivvjaġġar.