Lokali Parlament

M’hemmx post għal banek ta’ riskji fl-istruttura finanzjarja Maltija

Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-awtoritajiet finanzjarji u l-Gvern għandhom jassiguraw li fl-istrutturi finanzjarji Maltin ma jidħlux banek ta’ riskju; bħall-Bank Pilatus.

Fil-parlament Mario de Marco qal li llum l-ebda pajjiż li kien taħt għajnuna finanzjarja fil-patt ta’ stabbilità Ewropew fil-kriżi finanzjarja ta’ 10 snin ma jinsab fi kriżi u sostna li fil-fatt il-pajjiżi li kienu effettwati mill-kriżi tal-2008 spiċċaw iffaċċjaw il-kriżi tal-pandemija COVID-19 b’mod iktar qawwi. Kien pożittiv li r-reazzjoni tal-UE quddiem din il-kirżi tal-COVID-19 kienet waħda iktar b’saħħitha minn dik ta’ 10 snin ilu.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-governanza, it-tisħiħ tar-riforma tal-mekkaniżmu ta’ stabilità u l-unjoni bankarja.

Mario de Marco enfażizza l-importanza tal-fondi li jgħinu lill-banek li jkollhom problemi biex dawn jirristrutturaw u ma jkkaġunaw problemi għall-kijenti tagħhom.

Dan hu eżempju ċar kif is-sħubija ta’ Malta fl-UE u l-introduzzjoni tal-Ewro qed joffru iktar stabbilità u iktar garanzija li meta jfallu l-banek, ma jkunux it-taxxi tal-poplu li jagħmlu tajjeb għaliex ikun il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni li jagħmel tajjeb.

Mario de Marco kompla li banek bħall-Pilatus ma jistax ikollhom post fl-istituzzjonijiet finanzjarji Matin u għalhekk għandhom jissaħħu l-iskrutinji biex il-pajjiż jevità r-riskji; dan għandu jsir fil-bidu tal-proċess tad-due diligence u meta l-proċess ikun beda.