Lokali Qorti

Multa ta’ €25,000 u sentenza sospiża wara li żvojtat kont ta’ anzjana permezz ta’ ‘credit card’

Mara ta’ 60 sena mill-Ħamrun ġiet immultata €25,000 u kkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstabet ħatja li matul il-perjodu ta’ bejn Jannar u Ottubru tal-2016 iffrodat mara anzjana li suppost kienet qed tieħu ħsieb.

Il-ħatja, li kienet ġara tal-anzjana kienet tiġbed il-flus permezz ta’ ‘credit card’ tal-vittma billi kienet ukoll tiffirma bl-isem tal-vittma biex tiġbet il-flus għaliha nnifisha. Doris Borg saret ħatja wkoll ta’ ħasil ta’ flus, bl-anzjana mingħalija kellha flus biżżejjed għall-funeral iżda spiċċat bi ftit ewro fil-kont bankarju tagħha. Doris Borg kienet tixtri diversi oġġetti għaliha personali fosthom karozza. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fis-sentenza tagħha qieset in-natura serjissima tar-reati li dwarhom Borg instabet ħatja. Il-Qorti qalet li l-imputata wriet il-kattiverja w l-ħażen tagħha meta flok ipproteġiet lil mara anzjana li kull ma kien fadlilha f’ħajjitha kienu ftit flus imġemma għall-funeral tagħha u ħaditilha kull ma kellha.

Il-Qorti qalet ukoll li Borg baqgħet ma wriet l-ebda rimors għall-għemilha w lanqas ppruvat tikkumpensa lil Agius tul l-aħħar żmien ta’ ħajjitha. Minkejja li fl-istqarrija tagħha offriet biex tirrifondiha, baqgħet ma għamlet xejn minn dan tul iż-żmien li kien fadlilha ħajja l-anzjana.

Il-Qorti sostniet li fl-anzjanità, fil-vulnerabbilita` w l-fraġilità tagħha, Borg rat opportunità kif tisloħha, tkompli tgħakkisha finanzjarjament biex tistana minn fuqha. “Kif tista’ l-Qorti tinjora l-biki li bkiet din l-anzjana quddiem diversi xhieda f’mumenti ta’ disprament u swied il-qalb meta saret taf li lanqas ghall-funeral taghha ma kien baqalha flus? Kif intebħet li giet ingannata w misruqa propju minn min kienet fdat u kienet tghożż,” qalet il-Maġistrat Frendo Dimech.

Is-Supretendent Robert Vella li nvestiga l-każ spjega kif fit-18 t’Ottubru, 2016, sar rapport mill-anzjana Benedetta Agius, Dan peress li l-kont ta’ tfaddil tagħha kien ġie żvujtat kważi għal kollox meta fl-istess sena kienet iddepozitat €9,000 minn insurance policy filwaqt li fil-kont kienet regolarment tiddepożita l-pensjoni fl-aħħar tax-xahar.

Mill-istatements tal-bank li ħadet magħha Agius, deher li fil-kont kien fadal biss €8.06c. Is-suspett ewlieni tagħha kien fl-imputata li ġiet interrogata. Għall-ewwel Borg nnegat li kienet għamlet użu mid-debit card ta’ Agius. Minn informazzjoni miksuba mill-bank rriżulta li filwaqt li kont kien ingħalaq, kien hemm kont wieħed iehor li fuqu ma kienx hemm prokura.

F’Novembru, tal-2016, Agius awtorizzat lil ċertu Christianne Jane Spiteri biex tibda tamministralha l-kont. Dan seħħ wara li Agius ghamlet ir-rapport kontra Borg. Is-Supretendent Vella qal lill-Qorti li kien baqa’ jżomm kuntatt mal-bank u meta ra l-istatements tal-bank irriżulta li kien hemm numru ta’ transazzjonijiet f’postijiet partikolari.  Kien hemm erbgħa postijiet partikolari, li kienu pompa tal-petrol u ħanut tal-ħelu (confectionary) f’Ħaż-Żabbar, spiżerija u ħanut tas-sbuħija fil-Ħamrun.

Dawn irrizultaw minhabba l-fatt li mill-bank irnexxilhom jirrrintraċċaw numru ta’ irċevuti fejn saru ħlasijiet liema irċevuti li kienet ukoll intużat il-credit card ta’ Benedetta Agius, pero’ irrizulta illi fuq l-ammonti, l-irċevuta li tingħata mill-ħwienet il-firma kienet ta’ Doris Borg.

“Konna kellimna lil dawn is-sidien ta’ dawn il-ħwienet partikolari fejn is-sid ta’ tal-pompa tal-petrol kien jaf lil Doris Borg, u kien qal li hija kienet xtrat karozza tal-marka Toyota Vitz mingħandu u li kienet qed tħallas din il-vettura permezz ta’ kambjali.

“Il-Confectionery kien ukoll ikkonferma li Doris Borg hija klijenti regolari tiegħu, kif għamel ukoll sid il-ħanut tas-sbuħija. u l-ispeżerija. “Din l-informazzjoni li kelli f’idi jiena tlabt lill-Maġistrat inkwerenti Doreen Clarke sabiex inkun nista’ narresta lil Doris Borg,” qal is-Supretendent Vella.  Qal li eventwalment l-imputata ikkonfermat hi kienet tiehu ħsieb lil Benedetta Agius, ikkonfermat ukoll li fil-fatt kienet għamlet użu minn xi flus minn tagħha.

“Meta urejtha l-irċevuti li kelli f’idejja li użat f’ċertu stabbilimenti, hi kienet ikkonfermat li użathom hi, kienet ikkonfermat ukoll li ħadet xi flus minghand Benedetta Agius, pero’ hi dejjem sostniet li ma kinetx hadet l-ammont ta’  €19,000 .

“Fl-aħħar tali-stqarrija tagħha, kienet qaltli, ara x’ħadt jien għalija u jien nagħtihomlha, pero’ kienet żiedet li ma kinitx lesta li tħallas xi flejjes ohra li skond hi setgħu hadu xi persuni ohra.  Kont staqsejtha jekk kienx hemm xi persuni oħra li kienu ħadu xi flus, pero’ hi fl-ebda ħin ma tatni ismijiet partikolari ta’ xi persuni ohra.”, saħaq l-uffiċjal tal-Pulizija”, qal is-Supretendent.

Is-Surġent Anthony Cassar esebixxa ir-rapport li sar mill-vittma li  fit-18 t’Ottubru, 2016, fl-għassa tal-Hamrun fejn stqarret li l-jum ta’ qabel marret il-bank u sabet li minn xi €8,000 li kellha fil-kont ma kien fadlilha xejn. Bdiet tissuspetta fil-care workers u fl-imputata peress li kienet tgħaddilhom il-card biex jiġbdulha l-flus mill-bank. Agius provvdiet rendikont tal-bnak li kien juri li fil-kont kellha €9,038.02 fis-16 ta’ Lulju, 2016, izda sal-5 t’Ottubru, 2016, dawn niżlu ghal €8.06c.

L-imputata stqarret li kienet taħsel il-hwejjeg ta’ Benna ġewwa d-dar tagħha, kienet tagħmilha kumpanija w issajrilha. Interessanti li filwaqt li fl-istqarrija tagħha Borg ma tħalli ebda dubju dwar il-pretensjonijiet ta’ kumpens li kellha dritt tieħu minghand Agius, lis-Surħent qaltlu li wara li tkellmet mal-Kappillan dan qalilha tibda tagħmel volontarjat!

Borg qalet lis-Surġent li Benna Agius “kienet tatha l-cashlink kemm il-darba fejn anke ġieli kienet magħha u qaltilha biex tħallas minnha diversi drabi.” Rigward ilpagament ta’ €645 lill-pompa tal-petrol fil-25 ta’ Lulju, 2016, Borg qalet li kienet Agius li tatha l-card u qaltilha issewwi l-vettura maħbuta.

Semmiet ukoll li għamlet xirja ghaliha minghand il-Confectionery għal €400. Borg sostniet li kienet Agius li qaltilha tħallas żewġ pagamenti lil pompa tal-petrol tal-petrol (service station) f’total ta’ €320 fis-26 t’Awissu, 2016, biex tħallas ħsarat wara li laqtet il-fanal tal-vettura tagħha.

Sar magħruf ukoll li Borg avviċinat lil Agius u qaltilha “Tħammignix mal-Pulizija għax ħażin għalik”. Lourdes Service Station filwaqt li nfurmaw lill-Pulizija li ma jagħmlux servizz ta’ tellar, u żvelaw li Borg kienet xtrat vettura mingħandhom fuq kambjali.

Anne Scicluna, ‘social worker’ mad-Dipartiment tal-Anzjani, tirrakonta għaliex ħasset li kellha tagħmel rapport mal-Pulizija. Scicluna tghid: “sibt għandha nies ġodda jiġifieri fis-sens mhux min kien imur għandha s-soltu jew biex jieħu ħsiebha, kien hemm mara u raġel li kienu wkoll spjegawli li kienu l-ġirien tagħha, dawn qaluli illi kienu marru l-bank għax l-anzjana bdiet tgħidilhom li ma ghandhiex flus, ħaduha magħhom u ġibdu l-istatement tal-bank u sabu li ma kienx hemm flus fil-kont.

Scicluna qalet li l-imputata kienet tieħu hsieb Agius iżda maż-żmien ħasset li din kellha tidhol f’home. Borg kienet ġabet carer minn kumpanija privata biex toqgħod mal-anzjana li kienet tħallas ghaliha mill-account ta’ Agius. Ghalhekk infetħet applikazzjoni biex Agius tidħol f’dar tal-anzjani. Meta nqala’ diżgwid bejn Agius u Borg, Agius qalet lil Borg biex ma tmurx iżjed, u l-carer li ma rieditx tidħol f’inkwiet, qaltilha li ma rieditx tkompli tagħti servizz lil Agius.

B’hekk saret applikazzjoni għall-għajnuna għal ‘Commcare’ u għal ‘Homehelp’, li bdew imorru huma. Ġara iżda li Agius ippreferiet xi ġirien ġodda u dawn bdew jgħinuha huma. Scicluna tghid li kienet tikkomunika sew ma Agius L-anzjana l-iżjed li kienet titbaqbaq għax qalet li kien kellha xi flus allokati għall-funeral u meta qalulha li fil-bank ma għandha xejn bdiet tibki u fil-fatt fit-triq tagħhom stess kien joqgħod tal-funerali u għajtulu dak il-ħin u qal “iva dejjem hekk kienet tgħid, għamilli funeral bhal ma kellu r-raġel tiegħi.”

Christianne Jane Spiteri li tgħix fl-istess triq bħall-imputata w Agius xehdet kif darba s-Sibt, is-sieħġeb taghha Reginald James ċemplilha biex jgħarrafha li Agius bdiet tibki mieghu w talbitu joħodha l-bank biex tara x’għandha flus peress li li-mputata ħallitha bla flus fil-kont tagħha.

It-Tnejn, wara li ħadu t-tfal l-iskola baqgħu sejrin ma Agius il-bank Birkirkara. Il-kaxxiera qaltilha li ma kellhiex flus fil-kont, “Qabżet Benedetta Agius, le qaltilha għandi tal-funeral żgur hawn u nfaqgħet tibki. “Intefatilna bilqegħda lura għax ħadniha bil-walker u l-kaxxiera tal-bank qaltli aħjar tibqgħu sejrin biha l-Għassa. Imbaghad hadniha l-Ghassa u fethet ir-rapport.” Agius kienet iddaħħlet f’home ghaliex baqgħet sejra lura.

Gie soddisfacentement ippruvat li Borg użat card mahruga f’isem persuna oħra, Bernardette Agius, għall-użu tagħha. Hi l-istess Agius li kienet tgħaddi il-card taghha lill-imputata biex tiġbdilha l-flus mill-bank filwaqt li Borg ma tiċħadx li kienet tuża l-card ta’ Agius iżda ssostni li dan kien bil-kunsens ta’ Agius.

Dan il-fatt – li Agius ikkonsentiet ghall-ispejjez ta’ Borg – ġie miċhud b’saħħa minn l-istess Agius. Il-Qorti qalet li ma temminx il-verżjoni tal-imputata tenut kont li fuq kull debit card l-“authorised signature” hi biss tas-sid tal-kont li fuqu tkun maħruġa l-card.

Kif tammetti l-imputata stess, hi qatt ma ppermettiet li xi ħadd jagħmel użu mill-cards tagħha!  Fil-fatt il-‘care worker’ Mary Camilleri ssemmi biss kif ġieli rat lil Agius tagħti l-card lill-imputata biex tiġbdilha ammont ta’ flus. Imkien ma ssemmi li kienet tgħidilha tagħmel użu mill-card daqs li kieku kienet tagħha! Anzi malli kienet tagħtiha l-flus Agius kienet dlonk iddaħħalhom ġo portmoni iswed u taħbih. Għal Borg deher l-Avukat Michael Grech.