Għalkemm mhux favoriti li javvanzaw minn Grupp D, ir-Repubblik Ċeka jista’ jkun avversarju diffiċli biex tegħleb għal kwalunkwé tim
Għas-seba’ edizzjoni konsekuttiva, ir-Repubblika Ċeka huma fost il-pajjiżi finalisti tal-Kampjonati Ewropej. L-aqwa edizzjoni tagħhom f’dan it-turnament tibqa’ dik tal-1996. Dakinhar kienu waslu sal-finali, iżda kienu tilfuha fil-ħin barrani kontra l-Ġermanja.

Fl-aħħar Euro 2016, ir-Repubblika Ċeka ma rebħietx logħba minn tlieta li lagħbet.
Fil-Euro 2016, huma kellhom l-agħar prestazzjoni tagħhom minn daqstant edizzjonijiet, meta mhux biss m’għaddewx għall-istadju tal-aħħar sittax, iżda lanqas rebħu partita waħda minn tlieta. Minn wara dik l-edizzjoni ’l hawn, posthom fir-rankings tal-FIFA tbaxxa mhux ftit u llum jinsabu fl-40 post, iżda meta wieħed jiftakar li fl-2005, ir-Repubblika Ċeka kienu fit-tieni post ta’ dawn ir-rankings, allura wieħed jifhem aktar kemm dan in-nazzjonal iddgħajjef mhux ftit, anke jekk dejjem baqa’ jikkwalifika.

Jaroslav Šilhavý
ilu kowċ tar-Repubblika Ċeka
minn Settembru tal-2018.
Immexxija mill-kowċ ta’ 59 sena, Jaroslav Šilhavý, iċ-Ċeki kkwalifikaw għall-Euro 2020 bit-tieni post fl-istess grupp li kien iddominat mill-Ingilterra. Huma kellhom tliet telfiet fil-grupp kontra l-Bulgarija, Kosovo u l-Ingilterra.
L-iskwadra Ċeka li se naraw fil-Euro 2020, għandha nixfa ta’ individwalitá, iżda jekk hemm isem ta’ plejer li jispikka fuq il-kumplament, dan hu Tomáš Souček.
L-aspettattivi għal dan il-pajjiż din id-darba m’humiex għoljin, konxji mill-fatt li din hija skwadra nieqsa mill-ismijiet. Meta mqabbel mal-finalisti l-oħra, jeżisti nuqqas ta’ individwalitá u plejers li kapaċi jagħmlu d-differenza. Iżda jekk kellna nsemmu plejer partikolari, dan ikun il-midfielder difensiv ta’ West Ham United, Tomáš Souček. Matul il-partiti tal-Euro 2020, Šilhavý mistenni li jilgħab lil dan il-plejer fi rwol aktar offensiv, bl-għan li jisfrutta aktar l-enerġija u d-dinamiżmu tiegħu, li mhux li tant issib bħala fil-bqija tal-iskwadra Ċeka.




Dan se jkun grupp iebes ħafna għat-tim nazzjonali tar-Repubblika Ċeka u wieħed jistenna li jara approċċ b’mentalitá difensiva, b’formazzjoni ta’ 4-2-3-1. Plejers oħra importanti f’dan it-tim, apparti Souček, se jkunu Tomas Vaclik, Vladimir Coufal, Jan Boril, Jakub Jankto u Patrik Schick.


Is-26 plejer tar-Repubblika Ċeka għall-Euro 2020
Kowċ: Jaroslav Šilhavý


Gowlkipers: Tomas Vaclik (Sevilla), Jiri Pavlenka (Werder Bremen), Ales Mandous (Olomouc)
Difensuri: Vladimir Coufal (West Ham), Pavel Kaderabek (Hoffenheim), Ondrej Celustka (Sparta Praha), Tomas Kalas (Bristol City), David Zima (Slavia Praha), Jan Boril (Slavia Praha), Ales Mateju (Brescia), Jakub Brabec (Viktoria Plzen)


Midfielders: Lukas Masopust (Slavia Praha), Vladimir Darida (Hertha Berlin), Tomas Soucek (West Ham), Antonin Barak (Verona), Alex Kral (Spartak Moskva), Tomas Holes (Slavia Praha), Petr Sevcik (Slavia Praha), Jakub Jankto (Sampdoria), Adam Hlozek (Sparta Praha), Jakub Pesek (Liberec), Michal Sadilek (PSV)
Attakkanti: Patrik Schick (Leverkusen), Michael Krmencik (PAOK), Matej Vydra (Burnley), Tomas Pekhart (Legia)

