Iżda bil-presenza ta’ plejers bħal Modric, Kovacic u Perisic, il-Kroati jibqgħu favoriti li javvanzaw minn Grupp D tal-Euro 2020

M’hemmx dubju, il-Kroazja hu tim ieħor minn fost il-favoriti għar-rebħ tal-Euro 2020. Fl-aħħar sitt edizzjonijiet ta’ din il-kompetizzjoni, dan il-pajjiż eks Jugoslavja, falla l-kwalifikazzjoni għall-fażi finali darba biss.
Wara s-suċċess li kellhom fl-aħħar Tazza tad-Dinja, il-Kroazja tilfet għaxar postijiet fil-klassifika tar-rankings tal-FIFA. Il-kowċ għadu l-istess, iżda llum jinsabu fl-14-il post minn fost il-pajjiżi tad-dinja.
Tliet snin ilu, fl-aħħar Tazza tad-Dinja, il-Kroazja kienu finalisti telliefa kontra Franza. Madankollu, f’termini ta’ rankings tal-FIFA, mill-2018 sal-lum, dan it-tim nazzjonali tilef xejn inqas minn għaxar pożizzjonijiet u llum hu klassifikat fl-14-il post f’din il-klassifika. F’dan il-perjodu, l-iskwadra baqgħet taħt il-gwida teknika ta’ Zlatko Dalić iżda ħafna mill-plejers li kellhom rwol importanti fis-suċċess tal-2018, irtiraw mit-tim, bħal fil-każ ta’ Danijiel Subasic, Mario Mandzukic u Ivan Rakitic. Għalkemm rebħu l-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, jibqa’ fatt li waqqgħu ħafna punti fil-proċess. Aktar riċenti, l-avventura tagħhom fil-UEFA Nations League kienet diżastruża fejn tilfu f’ħames partiti minn sitta.



Mill-aħħar Tazza tad-Dinja tal-2018, irtiraw mill-iskwadra Kroata, Danijiel Subasic, Mario Mandzukic u Ivan Rakitic.
Għal din l-edizzjoni, Dalić għandu skwadra b’ħafna elementi ġodda, iżda għad hemm l-uċuh ta’ Luka Modric, Mateo Kovacic u Ivan Perisic. L-elementi li huma meqjusa bħala parti mill-ġenerazzjoni l-ġdida f’dan it-tim, bħal Nikola Vlasic, Josip Brekalo, Bruno Petkovic, Borna Barisic, Dominik Livakovic, Mario Pasalic, Domagoj Bradaric u Duje Caleta-Car, jagħtu bilanċ tajjeb fil-kwalità ta’ plejers li se jilagħbu fil-Euro 2020.

Zlatko Dalić normalment
jilgħab b’sistema ta’ 4-3-3,
b’iffokar fuq is-saħħa
tal-iskwadra f’nofs il-grawnd.
Normalment Dalić jilgħab b’sistema ta’ 4-3-3, bl-istil ta’ logħba milgħuba tikkonċentra l-aktar fuq is-saħħa tat-tim f’nofs il-grawnd, partikolarment dik ta’ Modric u Kovacic. Attenzjoni però għall-midfielder offensiv ta’ 23 sena, Vlašić, eks Everton. Plejer li għadu kemm kellu staġun tajjeb ma’ CSKA Moscow u dak li jiddistingwih minn ħaddieħor hi l-fiżika tiegħu. Il-verità hi li f’din il-kompetizzjoni, jaf ikun hemm linja fina bejn dak li se jwassal għas-suċċess jew il-falliment tal-Kroazja fil-Euro 2020.


Is-26 plejer tal-Kroazja għall-Euro 2020
Kowċ: Zlatko Dalić


Gowlkipers: Dominik Livakovic (Dinamo Zagreb), Lovre Kalinic (Hajduk Split), Simon Sluga (Luton Town)
Difensuri: Sime Vrsaljko (Atletico Madrid), Domagoj Vida (Besiktas), Josip Juranovic (Legia Warsaw), Dejan Lovren (Zenit St Petersburg), Duje Caleta-Car (Olympique Marseille), Borna Barisic (Rangers), Mile Skoric (Osijek), Josko Gvardiol (Dinamo Zagreb), Domagoj Bradaric (Lille).


Midfielders: Luka Modric (Real Madrid), Marcelo Brozovic (Inter), Milan Badelj (Genoa), Mateo Kovacic (Chelsea), Nikola Vlasic (CSKA Moscow), Mario Pasalic (Atalanta), Luka Ivanusec (Dinamo Zagreb).
Attakkanti: Bruno Petkovic (Dinamo Zagreb), Ivan Perisic (Inter), Andrej Kramaric (Hoffenheim), Josip Brekalo (Vfl Wolfsburg), Ante Rebic (AC Milan), Mislav Orsic (Dinamo Zagreb), Ante Budimir (Osasuna)
