Lokali Qorti

Rapport anonimu jwassal biex mara trodd lura €32,000 f”relief’ għax kienet qed taħdem

Mara ġiet ordnata mill-Qorti tal-Appell biex hija trodd lura €31,800 f’benefiċċji soċjali tal-qgħad li ngħatat matul ħames snin li fihom kienet qed taħdem bi qligħ. Hija kienet qed taħdem f’diversi Supermakets ewlenin f’Malta u meta sar verifika fuqha, ħadd mis-sidien ta’ dawn is-Supermarkets ma qal li l-mara qiegħda fuq il-kotba tax-xogħol, tagħhom.

Madankollu wara aktar stħarriġ irriżulta li l-mara ta’ 44 sena ma kinitx impjegata direttament ma’ dawn is-Supermarkets, imma ma kumpanija li tqassam ix-xogħol lill-ħwienet tal-ikel bħala ‘shelf stacker’. Hija kienet bdiet tirċvievi l-benefiċċji tal-qgħad u benefiċċji oħra relatati fl-2014.

Fl-2019 hija kienet twaqqfet mix-xogħol wara li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali rċieva rapport anonimu li l-mara kienet fil-fatt qed taħdem. Wara investigazzjoni instab li f’dan iż-żmien il-mara kienet taħdem ma’ kumpanija f’diversi supermarkets, b’paga ta’ madwar €800 fix-xahar.

Dan ingħad ukoll u kkonfermat mid-diriġenta ta’ waħda mis-supermarkets, li kienet ukoll qariba ta’ din il-mara, u li qalet li l-mara kienet taħdem bħala ‘reliever’ fuq bażi każwali. Minbarra li twaqqfulha l-benefiċċji, l-mara ġiet ordnata trodd lura l-flus li ħadet f’relief matul dan iż-żmien.

Hija appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali, li ħassar id-deċiżjoni tad-Dipartiment minħabba li qal li din ma ngħatatx id-dritt tas-silenzju u ta’ assistenza legali, kif ukoll li ma kienx ġie kkonfermat min terzi dak allegat.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, ma qablitx mal-konklużjoni tal-Arbitru. Meta kienet qed tqis l-appell mid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, il-Qorti qalet li mhux kompitu tal-Arbitru li jidħol fi kwistjonijiet dwar rappreżentanza legali.

Il-Qorti kkonkludiet li m’hemm xejn x’tiċċensura fid-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali, li għandu l-obbligu li jassigura li l-Għajnuna Soċjali tingħata lil min verament ħaqqu u għandu bżonnha, u li jwaqqaf din l-għajnuna fejn isib li l-benefiċċjarju jkollu dħul mhux dikjarat.

Żiedet li l-mara kellha l-obbligu li tressaq il-provi tagħha biex turi li jistħoqqilha tibqa’ tingħata l-benefiċċji, iżda naqset milli tagħmel dan. Il-Qorti għaldaqstant laqgħet l-appell tad-Direttur tas-Sigurtà Soċjali u ħassret id-deċiżjoni tal-Arbitru.