Lokali

Robert Abela “ħa nota” tal-ħasla mill-Kummissjoni Ewropea

Ftit sigħat biss wara li l-Kummissjoni Ewropea tat ċamata ġmielha lill-Gvern ta’ Robert Abela li baqa’ ma għamel xejn biex l-iskema tal-Bejgħ tal-Passaporti tilħaq l-aspettattivi tagħha, minn Kastilja nħarġet sejħa ta’ malajr għall-ġurnalisti biex, matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru jħabbar għotja ta’ flus minn din l-iskema lil għaqda non-governattiva.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li jidher li l-Gvern ta’ Abela għadu mhux jifhem li n-Nazzjonalità hi espressjoni tar-relazzjoni speċjali ta’ solidarjetà u rabta bejn l-Istat u l-poplu tiegħu. Issa, din qed tagħti xahrejn ċans biex il-Gvern isewwi d-diskrepanzi li hemm … u jekk ma jagħmilx dan, il-Gvern jirriskja li jkaxkar lil pajjiżna fil-Qorti Ewropea.

Iżda l-Prim Ministru jidher li din il-kwistjoni ma tantx qed tinkwetah, tant li qal biss li “ħa nota” tal-ittra tal-Kummissjoni.

Mistoqsi minn diversi ġurnalisti dwar dan, Abela baqa’ jiddefendi l-fatt li baqa’ m’għamel xejn – jew li m’għamilx biżżejjed – filwaqt li ammetta li l-Kummissjoni Ewropea għad għandha ‘riżervi’ dwar l-iskema tal-Gvern Malti.

Waħda mill-ewwel wegħdiet li Robert Abela kien għamel 18-il-xahar ilu – meta kien għadu qed jikkampanja biex jieħu post Joseph Muscat – kienet li din l-iskema jġibha konformi mal-Liġijiet Ewropej.

Xi ħaġa li s’issa jidher li għadu ‘l bogħod milli jagħmel!