Internazzjonali

Stati Uniti: Is-sinjuruni l-kbar ‘ma jħallsu kważi l-ebda taxxa’

Fl-aħħar sigħat kien hemm leak ta’ dettalji  li allegatament ‘jiżvelaw’ kemm il-biljunarji jew ‘super-sinjuri’ residenti fl-Istasti Uniti jħallsu taxxi miżeri – u minn daqqiet anki l-ebda taxxa.

L-informazzjoni ħarġet fuq il-websajt tal-aħbarjiet ta’ ProPublica u fejn jingħad li ‘inkixfu’ d-dokumenti tat-taxxa (tax returns) ta’ uħud mill-akbar sinjuri tad-dinja fosthom Jeff Bezos, il-fundatur ta’ Amazon; Elon Musk, il-Kap Eżekuttiv ta’ SpaceX u fundatur ta’ Paypal u n-negozjant/investitur Warren Buffett.

Il-websajt jallega li Bezos ma ħallas l-ebda taxxa fl-2007 u fl-2001 waqt li Elon Musk ma kien ħallas xejn fl-2018.

Sadanittant, il-kelliema għall-White House, f’Washington, irreferew għal dan il-leak bħala ‘illegali’ u fl-aħħar sigħat, l-aġenti tal-FBI u l-awtoritajiet tat-taxxa kienu qed jinvestigaw is-sors tal-informazzjoni.

Madankollu, is-sorsi qrib ProPublica qalu li bħalissa għaddejja analiżi ta’ ammont kbir ta’ data relatata mas-Servizzi u l-Awtoritajiet tat-Taxxa fl-Istati Uniti u li ‘għandhom joħorġu aktar dettalji fil-ġimgħat li ġejjin’.

Dan meta l-leak qed iqanqal interess u reazzjonijiet ‘minn kullimkien’ fi żmien ta’ dibattitu jaħraq dwar ‘il-veru ammont ta’ taxxi li qegħdin iħallsu s-sinjuruni’ — minbarra l-kunċett tal-inugwaljanza u d-distakk li qed jikber bejn ‘il-fqir u s-sinjur’.