Lokali Qorti

Surġent tal-Pulizija jispjega fil-Qorti x-xogħol estensiv tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello komplietl-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat moħħ fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-qtil seħħ fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 fil-limiti tal-Bidnija. Wara li diġa nstemgħu diversi xhieda f’dawn il-ġbir tal-provi li ilhom sejrin sa mill-11 ta’ Diċembru, 2019, l-unika xhud kien Is-Surġent Gary Scerri mill-Iskwadra tal-Omiċidji qal li ilu involut fil-każ mill-bidu nett, fejn kellu diversi missjonijiet x’jagħmel b’rabta ma’ dan il-qtil.

Huwa kien ħa ħsieb jiġbor il-filmati tal-kameras tas-sigurtà fil-Bidnija. Wara huwa kellem lil ġar tal-vittma li semmielu karozza bajda suspettuża bi ‘sticker’ fuq wara li kienet qed tkun fil-viċinanzi tad-dar fil-Bidnija. Wara xogħolu kien li jiġbed il-filmati ta’ dgħajsa l-Belt Valletta.

Tenna li fit-28 ta’ Novembru tal-2017 waslu l-aġenti tal-FBI f’Malta li minn naħa tagħhom wettqu diversi eżerċizzji magħhom fl-akkwati tal-Bidnija, il-Marsa u l-Belt. L-involviment tiegħu estenda wkoll fl-arresti tal-aħwa George u Alfred Degiorgio u ta’ Vince Muscat f’Diċembru tal-2017. Fl-2019 kien involut ukoll fl-arresti ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech.

Scerri qal li meta Yorgen Fenech ittieħed l-isptar fuq il-parir tat-tabib tiegħu, Adrian Vella f’Novembru ta’ dik is-sena, huwa kien il-persuna li eskortah. Huwa kien staqsa lit-tabib jekk l-akkużat kienx f’qagħda tajba biex jiġi interrogat.  It-tabib wieġbu billu qallu li ma kellux jiġi interrogat tal-anqas għall-24 siegħa li jmiss.

L-Ispettur Scerri ikkonferma wkoll li kien parti mit-task force ta’ dan il-każ u meta Vince Muscat “Il-Koħħu” ammetta l-involviment tiegħu fil-każ fi Frar li għadda, huwa kien akkumpanjah f’garaxx f’Santa Venera fejn dan qalilhom li kienu żammew il-bomba użata fid-delitt.

Fuq mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni x-xhud qal li rigward id-dgħajsa li semma qabel, kienu jafu li hemm dgħajsa partikolari u ta’ interess, iżda ma kinux jafu eżatt liema waħda hi. Kien għalhekk li qagħad jiġbed filmati tal-Port il-Kbir biex jiġi stabbilit liema dgħajsa kienet. Wara sar magħruf li kienet id-dgħajsa bl-isem Maya, propjetà tal-aħwa Degiorgio.

Wara Il-Maġistrat Montebello riedet tisma’ s-sottomissjonijiet fuq rikors imressaq minn Yorgen Fenech kontra l-membru parlamentari l-Avukat Beppe Fenech Adami li kien assistit mill-membru parlamentari l-Avukat Karol Aquilina. Ir-rikors kien minħabba dak li qal il-membru parlamentari fis-26 ta’ Mejju li għadda Fenech Adami fil-kariga tiegħu bħala President tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi. 

l-Avukat Mercieca qal li fid-diskors, ġie allegat li kieku ma kienx għall-proġett tal-powerstation tal-Electrogas, Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinqatel. Qal li hawn għandna politiku, li għandu rwol sinifikanti ħafna, ta’ responsabbiltà., ‘ġurnata wara l-oħra qed naffaċċjaw inroads għad-drittijiet tal-klijent tagħna… wieħed irid ikun attent ħafna kif jagħmel ċerti dikjarazzjonijiet, speċjalment meta jsiru minn xi ħadd f’pożizzjoni ta’ poter,” qalet id-difiża.ż

L-Avukat Mercieca qal li kull ma jimpurta d-difiża huwa li jkollha ‘smigħ xieraq’. L-Avukat Karol Aquilina wieġeb billi qal li l-Avukat Mercieca qed jagħmel argument imġebbed wisq u dan għax fl-ebda ħin Fenech Adami ma rrefera għall-akkużat.

L-Avukat Mercieca qal li wieħed irid joqgħod attent ħafna dwar kif isiru ċerta dikjarazzjonijiet. Qal li l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield staqsa lil Fenech Adami jekk il-konsorzju diskuss fil-Kumitat, l-Electrogas, li Fenech kien Direttur tiegħu, huwiex indagat f’xi qtil u Fenech Adami wieġeb fl-affermattiv. Huwa qal li Karol Aquilina l-għada għamel l-istess stqarrija fuq NET TV.

L-Avukat Aquilina qal li hawn m’aħniex nitkellmu fuq xi diskors fejn jittieħdu xi deċiżjonijiet. F’dan il-Kumitat id-Deputati janalizzaw rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Powerstation tal-Electrogas. Fenech Adami mkien u fl-ebda ħin, ma rrefera għal Yorgen Fenech.

Lanqas biss attribwixxa għall-ħtija. Qal biss li l-proġett tal-Electrogas huwa marbut ma’ diversi persuni, inkluż Apap Bologna. Għamel biss stqarrija politika, ma ħax xi deċiżjoni. Aquilina sostna li ma rriżulta minn mkien, lanqas fit-traskrizzjoni, li Fenech Adami rrefera għal Yorgen Fenech.

Punt ieħor kompla jgħid l-Avukat Aquilina, huwa jekk Fenech Adami huwiex awtorità pubblika u saħaq li l-poter ta’ Membru Parlamentari mhux ġej mill-Gvern. Il-Gvern biss jista’ jieħu d-deċiżjonijiet u jwettaqhom. Il-Parlament jivvota fuq il-liġijiet.

Aquilina qal li Fenech Adami, kemm bħala Membru Parlamentari, kif ukoll bħala President tal-Kumitat, ma jistax jitqies awtorità pubblika. Fl-ebda ħin ma jipproponi jew inkella iwettaq xi deċiżjoni. Il-Kumitat hu strutturat b’mod li hemm maġġoranza ta’ membri tal-Gvern. Fenech Adami biss għandu l-inkarigu li jippresiedi l-Kumitat.

Dwar ir-referenza għall-każ li semma l-Avukat Mercieca, meta l-Ministru Owen Bonnici għadda kummenti waqt Kumitat Parlamentari, Aquilina qal li dan huwa każ differenti, għall-aħħar. Bonnici dak iż-żmien kien Ministru. Saħaq li din is-sitwazzjoni hija diversi. F’wieħed għandna Ministru u fl-ieħor għandna Membru Parlamentari.

L-Avukat Aquilina għaldaqstant tenna li mhuwiex minnu li nkisru d-drittijiet ta’ Yorgen Fenech bil- kummenti li għadda Beppe Fenech Adami. Mercieca wieġeb billi qal li l-allegata referenza għall-imputat bħala ħati mhijiex flokha. Tenna wkoll li fil-każ imsemmi ta’ Owen Bonnici, il-Qorti m’għamlitx differenza għax Bonnici kien Ministru. Il-Qorti qalet li se tiddeċiedi r-rikors ‘in camera’.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra, assistiti mill-Avukati Philip Galea Farrugia u Anthony Vella u Anthony Vella, f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Ġenerali. L-avukati difensuri huma Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru għan-nom il-familja Caruana Galizia. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar l-Erbgħa 16 ta’ Ġunju fl-10.00am.