Lokali Qorti

Żewġt aħwa l-Qorti fuq ġlieda fil-Mellieħa

Żewġt aħwa, allegatament involuti fi ġlieda nhar it-Tnejn għall-ħabta ta’ nofs inhar ingħataw il-libertà proviżorja wara li wieġbu mhux ħatja hekk kif tressqu l-Qorti. Justin u Malcolm Mercieca, ta’ 32 u 31 sena rispettivament, resdienti l-Ħamrun kienu skortati l-qorti taħt arrest fuq ġlieda li faqqgħet ftit qabel nofsinhar fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa.

Id-dettalji dwar l-inċident fil-Qorti kienu kemmxejn skarsi imma l-episodju vjolenti allegatament idur madwar iż-żewġ aħwa, l-eks tfajla ta’ wieħed minnhom u l-għarus il-ġdid tagħha. Tim mediklu kien li ta l-ewwel għajnuna lir-raġel midrub fuq il-post tal-inċident.

Sussegwentement huwa ddaħħal l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. L-għada, l-aħwa kienu akkużati b’mod konġunt li weġġgħu b’mod gravi lis-sieħeb tal-mara mingħajr ma kellhom l-intenzjoni li jipperikolaw ħajtu, aggredew lill-mara u heddew lill-koppja.

Wara li semgħet sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet il-Qorti laqgħet it-talba għal pleġġ kontra depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €4,000 kull wieħed, kif ukoll ordni biex jiffirmaw fl-għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni temporanja favur l-allegati vittmi u l-familji tagħhom, sakemm isiru proċeduri kriminali. L-Ispettur Godwin Scerri mexxa l-Prosekuzzjoni. L-avukati Mario Mifsud u Christian Camilleri kienu avukati difensuri.