Fl-aħħar edizzjoni tal-Euro 2016, il-Polonja kellhom l-aqwa riżultat f’din il-kompetizzjoni. Il-prospetti ta’ suċċess ripettut f’din l-edizzjoni hu tragward possibli għalkemm diffiċli.
Fl-aħħar edizzjoni tal-Euro, il-Polonja kisbu l-aqwa riżultat li qatt kisbu f’din il-kompetizzjoni meta waslu sal-kwarti tal-finali. Sentejn wara, kontra dak li kien mistenni minnhom, fit-Tazza tad-Dinja tal-2018, kienu xxukkjaw lil kulħadd b’eliminazzjoni bikrija. Illum, lejlet il-bidu tal-Euro 2020, mit-tim nazzjonali Pollakk, jistenna prestazzjoni simili, jekk mhux aħjar minn dik tal-Euro 2016.

Fit-tmexxija tat-tim hemm il-Portugiż, Paulo Sousa li nħatar kowċ tal-Polonja f’Jannar li għadda. Hu ħa post Jerzy Brzęczek, li minkejja li mexxa lill-Pollakki għall-kwalifikazzjoni, tilef postu wara t-tmiem tal-UEFA Nations League, bl-ajkli tilfu tlieta mis-sitt partiti li lagħbu f’League A.


Fit-triqithom lejn il-kwalifikazzjoni tal-Euro 2020, il-Polonja ddominaw il-grupp rispettiv tagħhom, fejn minn għaxar partiti, tilfu biss partita waħda u f’oħra temmew dro. Mill-bqija kellhom rebħ biss, fejn spikkaw l-attakkanti Robert Lewandowski u Krzysztof Piątek, li bejniethom skorjaw għaxra mit-18-il gowl tal-Polonja fil-partiti tal-grupp.
Paulo Sousa għandu għażliet diffiċli x’jagħmel, fosthom lil min se jilgħab bejn il-lasti, jekk mhux lil Wojciech Szczęsny, li lagħab fl-aħħar partiti tal-Polonja, jew lil Łukasz Fabianski. B’sistema tattika li għadha mhux ċara mill-kowċ Portugiż, għaliex fil-ftit partiti li lagħab dejjem biddel il-forma tattika tal-iskwadra, hemm tliet plejers speċifiċi li jiffurmaw l-ispina tat-tim. Dawn huma d-difensur Kamil Glik, il-midfielder Grzegorz Krychowiak u l-attakkant taċ-champions Ġermaniżi, Lewandowski.

Fost it-talenti emerġenti ta’ din l-iskwadra, jispikka l-isem ta’ Jakub Moder, li f’Jannar li għadda kien trasferit fil-Premier League Ingliż ma’ Brighton. Moder hu midfielder ta’ 22 sena, li għandu don li jilgħab b’versatilità kbira u bosta jxebbħuh mal-Ispanjol, Sergio Busquets. Hu mistenni li l-battalja tagħhom tkun mal-Iżvediżi, meta jaffrontawhom fl-aħħar partita tal-grupp, possibilment fil-konfront deċiżiv għal min jikkwalifika mal-aħħar sittax.

Il-25 plejer tal-Polonja għall-Euro 2020
Kowċ: Paulo Sousa


Gowlkipers: Lukasz Fabianski (West Ham), Lukasz Skorupski (Bologna), Wojciech Szczesny (Juventus)
Difensuri: Jan Bednarek (Southampton), Bartosz Bereszynski (Sampdoria), Kamil Glik (Benevento), Michał Helik (Barnsley), Tomasz Kedziora (Dynamo Kyiv), Kamil Piatkowski (Rakow Czestochowa), Tymoteusz Puchacz (Lech Poznan), Maciej Rybus (Lokomotiv Moskva)


Midfielders: Pawel Dawidowicz (Verona), Przemysław Frankowski (Chicago Fire), Kamil Jozwiak (Derby), Mateusz Klich (Leeds), Kacper Kozlowski (Pogon Szczecin), Grzegorz Krychowiak (Lokomotiv Moskva), Karol Linetty (Torino), Jakub Moder (Brighton), Przemyslaw Płacheta (Norwich), Piotr Zielinski (Napoli)
Attakkanti: Dawid Kownacki (Fortuna Dusseldorf), Robert Lewandowski (Bayern), Karol Swiderski (PAOK), Jakub Swierczok (Piast Gliwice)

