Se jilgħabu f’Grupp E, wara li kellhom jisfurzaw żewġ play-offs kontra ż-żewġ timijiet Irlandiżi, biex aċċertaw minn kwalifikazzjoni għat-tieni darba fl-istorja.
Kważi 30 sena wara li s-Slovakkja bħala repubblika kisbet l-indipendenza miċ- Ċekoslovakkja, Sokoli (il-falkuni Slovakki) reġgħu għamluha għall-finali tal-Kampjonati Ewropej għat-tieni edizzjoni konsekuttiva. Fil-Euro 2016 huma kienu ssuperaw l-istadju tal-gruppi, iżda kienu eliminati fil-fażi tal-aħħar sittax-il tim. Din id-darba, iċ-ċansijiet tagħhom li jkollhom riżultat simili jew aħjar minn dak ta’ ħames snin ilu, huma remoti.


Is-Slovakki kkwalifikaw għall-Euro 2020, wara li rebħu ż-żewġ playoffs li huma lagħbu kontra l-Irlanda u l-lrlanda ta’ Fuq. L-ewwel taħt it-tmexxija tal-kowċ Pavel Hapal, eliminaw lill-Irlanda wara l-għoti tal-penalties, iżda dak li ġara wara ma kienx mistenni. Qabel lagħbu l-partita deċiżiva, huma tilfu f’żewġ partiti tal-UEFA Nations League kontra l-Iskozja u Iżrael, b’konsegwenza li Hapal tkeċċa.
Štefan Tarkovič inħatar bħala l-kowċ suċċessur qabel il-partita li kienet tħoll u torbot kollox, dik ta’ kontra l-Irlanda ta’ Fuq. Kienet għażla li ħalliet il-frott mixtieq, għaliex is-Slovakki rnexxilhom jikkwalifikaw meta rebħu l-konfront 2-1, b’gowl fil-ħin barrani skorjat minn Michal Ďuriš.

B’sistema tattika li x’aktarx tkun dik ta’ 4-2-3-1, it-tim li jinsab fis-36 post fir-rankings tal-FIFA, kapaċi jsib bilanċ ta’ plejers b’esperjenza u oħrajn żgħażagħ b’talent. Elementi bħal mhuma l-gowlkiper ta’ Newcastle United, Martin Dubravka, id-difensur ta’ Inter, Milan Skriniar u l-eks plejer ta’ Napoli, u captain tat-tim, Marek Hamšík jagħtu d-doża ta’ maturità lill-bqija tal-iskwadra.




Kwalunkwè suċċess jew falliment Slovakk f’din il-kompetizzjoni, se jkun qed jiddependi fuq l-għażliet ta’ tal-kowċ Tarkovič. Hu imperattiv li kwalunkwè għażla tal-kowċ, tassigura li jkun hemm bilanċ fis-sistema tattika ta’ Tarkovič. Il-fulkru tat-tim hu l-midfielder ta’ 26 sena, Stanislav Lobotka. Sal-lum, Lobotka hu l-aktar plejer Slovakk li qatt sewa flus, meta f’Jannar tal-2000, Napoli kienu ħallsu €21 miljun lil Celta Vigo biex akkwistawh. Hu mistenni li Lobotka jifforma parti minn trio ta’ plejers f’nofs il-grawnd, biż-żewġ plejers l-oħra jkunu Hamsik u Juraj Kucka. Fil-fażi offensiva, Duris għandu jkun l-attakkant ewlieni, għalkemm Tarkovič jaf jagħżel li jagħti fiduċja liż-żagħżugħ Dávid Strelec li kellu staġun domestiku aħjar minn Duris.

Is-26 plejer tas-Slovakkja għall-Euro 2020
Kowċ: Štefan Tarkovič


Gowlkipers: Martin Dubravka (Newcastle), Dusan Kuciak (Lechia Gdansk), Marek Rodak (Fulham).
Difensuri: David Hancko (Sparta Praha), Tomas Hubocan (Omonoia), Martin Koscelnik (Liberec), Peter Pekarik (Hertha Berlin), Lubomir Satka (Lech Poznań), Milan Skriniar (Inter Milan), Martin Valjent (Mallorca), Denis Vavro (Huesca).


Midfielders: Laszlo Benes (Augsburg), Ondrej Duda (Koln), Jan Gregus (Minnesota), Marek Hamsík (IFK Goteborg), Lukas Haraslin (Sassuolo), Jakub Hromada (Slavia Praha), Patrik Hrosovsky (Genk), Juraj Kucka (Parma), Stanislav Lobotka (Napoli), Tomas Suslov (Groningen), Vladimir Weiss (Slovan Bratislava).
Attakkanti: Robert Bozenik (Feyenoord), Michal Duris (Omonoia), Robert Mak (Ferencvaros), Ivan Schranz (Jablonec).
