Għas-sitt edizzjoni konsekuttiva, Żvezja se tkun qed tilgħab fil-fażi finali tal-Euro, b’tama li din id-darba jkollha riżultati aħjar minn dawk preċidenti.
L-Iżvediżi huma għal darb’oħra finalisti Ewropej, hekk kif fil-ħames edizzjonijiet preċedenti qatt ma fallew milli jkunu fost il-finalisti ta’ din il-kompetizzjoni. Iżda taqta’ barra l-edizzjoni tal-2004, li kienet saret fil-Portugal, meta kienu waslu sal-kwarti tal-finali, mill-bqija l-Iskandinavi dejjem kellhom wirjiet diżappuntanti. Hekk ġralhom ukoll fl-aħħar edizzjoni meta kienu eliminati wara l-fażi tal-gruppi.
Sa xahar qabel il-bidu ta’ din il-kompetizzjoni, l-Iżvediżi kien mingħalihom li fl-iskwadra tal-kowċ Janne Andersson, kien se jkun hemm l-attakkant veteran ta’ Milan Zlatan Ibrahimovic. Ġara iżda li l-plejer ta’ 39 sena weġġa’ f’partita kontra Juventus u ma kienx inkluż fost is-26 plejer magħżula, b’Jordan Larsson jieħu post ‘Ibra’. Larsson hu iben l-eks plejer internazzjonali Żvediż, Henrik Larsson. F’din l-iskwadra Skandinava hemm tliet attakkanti oħra żgħażagħ interessanti. Dawn huma Dejan Kulusevski ta’ Juventus, Alexander Isak ta’ Real Sociedad u Jens Cajuste ta’ Midtjylland.
Uċuh oħra żgħażagħ f’din l-iskwadra mmexxija minn Andersson huma Victor Lindelof, difensur ta’ 26 sena li jilgħab ma’ Manchester United, il-midfielders Mattias Svanberg ta’ Bologna u Kristoffer Olsson ta’ Krasnodar. Flimkien ma’ dawn l-ismijiet hemm ukoll plejers ta’ esperjenza bħal Sebastian Larson, Marcus Berg u Mikael Lustig.
Is-sistema tattika li probabilment se jkunu qed jilagħbu biha l-Iżvezja se tkun dik ta’ 4-4-2, bil-mira ta’ din l-iskwadra tibqa’ dik li jkollhom edizzjoni suċċess bħal ma kellhom fl-1992. Dakinhar huma kienu waslu sas-semifinali.
Din id-darba, ix-xorti, tajba jew le, se tkun qed terġa’ tlaqqa’ lill-Iżvediżi mal-Ispanjoli, hekk kif dawn it-tnejn kienu fl-istess grupp ta’ kwalifikazzjoni. L-Iżvezja temmew it-tieni; ħames punti wara Spanja; fl-istess grupp li kien hemm fih Malta. Huma tilfu biss logħba waħda minn għaxra; il-logħba ta’ Madrid kontra Spanja, bl-iskor ta’ 3-0.