EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Analiżi u previżjoni ta’ Grupp Ċ | L-Olanda u l-Ukrajna l-akbar favoriti

Andriy Yarmolenko tal-Ukrajna

X’aktarx, wieħed mill-gruppi li fuq il-karta għandu l-inqas saħħa fil-kwalitá tat-timijiet li jiffurmawħ, hu Grupp Ċ. Il-pajjiżi li se jkunu qed jilgħabu f’dan il-grupp huma l-Olanda, l-Ukrajna, l-Awstrija u wieħed miż-żewġ debuttanti f’din l-edizzjoni tal-Euro, il-Maċedonja ta’ Fuq. L-oranġjo u s-sofor Ewropej, iġifieri l-Olanda u l-Ukrajna rispettivament, huma l-akbar sfidanti li jistgħu javvanzaw minn dan il-grupp għal mal-aħħar 16-il tim tal-Euro 2020.

Analiżi | Olanda

Fl-aħħar deċenju, it-tim nazzjonali Olandiż ma mexiex man-norma tas-snin preċedenti u ddiżappunta bil-kbir meta għal żewġ kompetizzjonijiet konsekuttivi fallew il-kwalifikazzjoni għall-fażi finali tal-Euro 2016 u t-Tazza tad-Dinja tal-2018. B’Frank De Boer fit-tmexxija,l-Olanda mhux li tant impressjonaw pero f’din il-fażi finali tal-Euro, wieħed ma jista’ jeskludi xejn minn dan it-tim.

Analiżi | Ukrajna

L-Ukrajna, taħt it-tmexxija tal-eks leġġenda tagħhom fil-passat, Andriy Shevchenko, impressjonaw mhux ftit fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. Dan għaliex huma rnexxilhom jispiċċaw l-ewwel fil-grupp rispettiv tagħhom, bi tliet punti vantaġġ fuq is-Seleção, il-Portugal u mingħajr ma tilfu partita, iżda kellhom żewġ dros. Lejliet il-bidu ta’ din l-edizzjoni, wieħed għandu jistenna pożittivitá minn dan it-tim, li mistenni narawħ jilgħab futbol offensiv.

Analiżi | Awstrija

Grupp D hemm fiħ ukoll l-Awstrija. Storikament huma dan il-pajjiż ma kellu xi riżultati memorabbli f’dan il-livell ta’ futbol, speċjalment meta lagħbu fiż-żewġ edizzjonijiet preċedenti tal-Kampjonati Ewropej, tant li sal-lum qatt ma rebħu partita waħda bħala tim finalist. Għaldaqstant f’din l-edizzjoni tal-Euro, wieħed jistenna prestazzjonijiet aħjar minn dawk tal-passat, u passaġġ għall-istadju ta’ wara l-gruppi għal dan it-tim, m’hijix xi ħaġa impossibli biex iseħħ.

Analiżi | Maċedonja ta’ Fuq

F’din l-edizzjoni tal-Euro, fost is-26 pajjiż finalist, se nkunu qed naraw żewġ pajjiżi minnhom li se jkunu qed jgħixu d-debutt storiku tagħhom f’din il-kompetizzjoni. Wieħed minn dawn hu l-Maċedonja ta’ Fuq. Dan hu t-tim li għandu influwenza kbira mill-attakkant veteran ta’ 38 sena, Goran Pandev. Interessanti l-fatt li fl-aħħar edizzjoni tal-Euro, huma kienu fil-162 post fir-rankings tal-FIFA. Illum jinsabu fit-62 post