Il-proġett propost minflok is-sit tal-ITS f’Pembroke ġie approvat mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar b’erba’ voti favur u tlieta kontra. Qabel ittieħed dan il-vot, iċ-chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar Vince Cassar, iċ-chairman tal-Awtorità għar-Riżorsi Ambjentali Victor Axiak, Joseph Brincat u r-rappreżentant tal-NGOs Annick Bonello bagħtu nota lill-bord biex jinfurmaw li ddeċidew li jirtiraw mis-seduta. L-avukat Chris Cilia wkoll rrekuża ruħu minħabba potenzjal ta’ kunflitt t’interess.
It-tliet membri li vvutaw kontra – Gilmour Camilleri, Omar Vella u l-Viċi Sindku ta’ Pembroke Omar Arab – qalu li għad hemm mistoqsijiet kbar fuq dan il-proġett, speċjalment dwar il-mina proposta bħala parti minn dan l-iżvilupp li tinsab fuq applikazzjoni separata.
Dan il-proġett kien approvat f’seduta tal-istess bord lura fl-2018 iżda ntbagħat lura għal tibdil fil-pjan fl-2019 wara li qorti sabet li Matthew Pace, wieħed mill-membri tal-awtorità li vvota favur il-proġett kif propost għall-ewwel darba, potenzjalment kellu interess finanzjarju. Aktar tard, din l-applikazzjoni ġiet irtirata u l-kobor u l-iskala tal-iżvilupp tnaqqas. Għaddew madwar 4 snin minn meta dan il-proġett ġie propost għall-ewwel darba fejn iż-żewġ pjanijiet ta’ żvilupp ġabu ħafna kritika minn eluf ta’ residenti tal-madwar, Kusilli Lokali u NGOs.
Il-proġett li ġie approvat jinkludi lukanda ta’ 12-il sular u żewġ torrijiet residenzjali ta’ 17 u 18-il sular rispettivament. Dan il-proġett li qed imexxu l-kumpanija DB, se jiswa madwar 250 miljun u se jinkludi l-kostruzzjoni ta’ lukanda ta’ 386 kamra b’żewġ torrijiet residenzjali biswit. It-torrijiet residenzjali se jakkomodaw 179 appartament fuq għoli massimu ta’ 18-il sular. Taħt il-lukanda u inkorporat fil-kwartieri ser jinbena shopping mall li jkun aċċessibbli minn tliet entraturi. Fil-proġett ġew assenjati 7,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ għall-pubbliku. Il-proġett se jinkludi wkoll supermarket, sala tal-wirjiet, stabbilimenti tal-catering u beach club.
Il-Bord tal-Awtorità mpona fuq l-iżviluppatur €1.3miljun li jridu jintużaw għal proġetti tal-komunità fil-lokalità ta’ Pembroke kif ukoll kontribuzzjoni ta’ € 50000 għall-Fond Artistiku.
//= $special ?>