Lokali

“Gvern Nazzjonalista jinvesti f’intermodal hub internazzjonali għal-loġistika tal-merkanzija” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jfittex li jħares is-settur marittimu ta’ pajjiżna, u jissokta jagħraf il-potenzjal li dan qed u jista’ jħalli fuq l-ekonomija tagħna.

Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi żjara li għamel fil-Valletta Cruise Port flimkien ma’ delegazzjoni tal-PN. Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li minkejja s-suċċess li qed jikseb dan is-settur, għad hemm
potenzjal fejn inkabbru aktar u għalhekk li semma fost oħrajn il-bżonn ta’ aktar investiment fuq marine biotechnology, akwakultura, loġistika għall-vapuri, tiswija u retrofitting ta’ magni ta’ vapuri li jaħdmu bil-gass LNG.

“Gvern Nazzjonalista jinvesti f’intermodal hub internazzjonali għal-loġistika tal-merkanzija”

Bernard Grech saħaq li fi żmien meta r-reputazzjoni ta’ pajjiżna ħadet daqqa kbira, kien issettur marittimu li baqa’ b’saħħtu u baqa’ jikkontribwixxi fl-ekonomija u hu għalhekk li rridu nkomplu nkabbru u nsaħħu dan is-settur.

Bernard Grech kellu l-opportunità li wkoll mhux biss jara l-operat tal-Cruise Port, iżda wkoll żar numru ta’ ristoranti li jinsabu fil-Waterfront.

Net News ħa wkoll il-kumment tas-CEO tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb fejn ħares lejn il-potenzjal tas-settur marittimu għal pajjiżna.

Il-Kap tal-PN iltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tal-Cruise Port fejn ra wkoll l-investiment li sar mill-kumpanija biex dan is-settur u oqsma oħrajn anċillari ikomplu jikbru. Għal din iż-żjara l-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Viċi Kap u kelliem għat-Turiżmu, Robert Arrigo, id-Deputat u kelliem tat-Trasport u l-Infrastruttura Tony Bezzina u l-kandidati Ian Vassallo Haġi, Janice Chetcuti u James Aaron Ellul.