Lokali Qorti

Ħabs għal żewġ Sudaniżi li nħbew f’kontejner biex jaħarbu lejn l-Italja

Żewġt irġiel Sudaniżi ntbagħtu l-ħabs wara li nħbew ġewwa kontejner tal-merkanizija bit-tama li jaħarbu lejn l-Italja. Mohamed Ishaq Adam Yakub u Osman Ibrahim Mehamed, ta’ 27 u 22 sena rispettivament, ġew arrestati l-Erbgħa wara nofsinhar fil-Laboratory Wharf f’Raħal Ġdid.

L-irġiel ma kellhom l-ebda dokument ta’ identifikazzjoni u qalu lill-pulizija li kienu moħbijin ġewwa l-kontejner, bit-tama li jispiċċaw l-Italja. Huma ġew akkużati li kienu ‘stowaways’ u li naqsu milli jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni.

L-irġiel, kienu rrappreżentati mill-avukat tal-għajnuna legali Benjamin Valenzia, u megħjuna minn interpretu tal-lingwa Għarbija, ammettew l-akkużi. Yakub kien ikkundannat għal disa’ xhur ħabs, filwaqt li Mehamed kien il-ħabs għal sitt xhur. Il-Qorti kienet preseduta il-Maġistrat Gabriella Vella. L-Ispettur Karl Roberts mexxa l-Prosekuzzjoni.