Lokali Saħħa

Hospice Malta daqt bi spazju akbar u aktar kalm għall-klijenti tagħhom

Wara li l-Kurja sentejn ilu għaddiet il-binja majestuża tal-Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera lill-Hospice Malta, il-media ġiet mistiedna fil-post biex tingħata aktar informazzjoni dwar dan il-proġett. Hospice Malta hija organizzazzjoni li toffri servizz importanti ħafna – dik tal-kura paljattiva, jew kura medika speċjalizzata lil persuni li jkollhom mard serju ħafna.

Iċ-Chairperson ta’ din l-organizzazzjoni Bernadette Bonnici Kind spjegat lil Net News l-importanza li jkollha spazju akbar minn fejn tista’ topera din l-organizzazzjoni. Hi stqarret li l-Hospice ilha f’Malta 32 sena u taqdi madwar 1,300 pazjent jew familja kull sena, u kien għalhekk il-bżonn ta’ post ikbar għaliex dak preżenti huwa restritt ħafna. Bernardette Bonnici Kind spjegat li meta jidħlu fil-post il-ġdid, Hospice se jkunu jistgħu jżidu mas-servizzi li jagħtu lill-komunità pero jistgħu ukoll jilqgħu iktar pazjenti anke fejn jidħlu terapiji fejn kull kamra jkollha l-iskop tagħha. Din il-binja, meta jitlesta x-xogħol fuqha, mistenni li tkun tista’ tilqa’ fiha wkoll għadd ta’ residenti għal tul ta’ żmien.

Istitut Adelaide Cini issa se jkun qed jingħata l-isem ta’ St Michael Hospice Complex.