Futbol Sport

Illejla it-tim nazzjonali Malti tan-nisa jilgħab kontra l-Montenegro

(Ritratt: EPA)

Illejla it-tim nazzjonali Malti tan-nisa jilgħab l-ewwel partita ta’ ħbiberija minn tnejn kontra l-Montenegro fis-Centenary Stadium fis-6.30pm. Din se tkun l-ewwel partita għat-tim nazzjonali Malti wara t-tournament ta’ Frar li għada ,fejn lagħbu kontra s-Slovakkja u l-Iżvezja.

Il-coach Mark Gatt, qabel din il-partita, stqarr li kienet xi ftit diffiċli speċjalment għall-plejers li jilagħbu lokalment, bil-waqfa tal-kampjonati rispettivi tagħhom. “MIn-naħa l-oħra l-plejers li jilagħbu barra minn xtutna għadhom ġejjin minn staġun twil u iebes, fejn mhux il-plejers kollha jinsabu fl-istess livell fiżikament”, qal il-coach nazzjonali Malti.

Madanakollu, Gatt jinsab ħerqan biex jara lit-tim nazzjonali jilgħab kontra l-Montenegro, hekk kif dan jista’ jservi bħala test tajjeb qabel il-partiti ta’ kwalfikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2023 f’Settembru li ġej.

Fi Grupp E flimkien ma’ Malta hemm id-Danimarka, ir-Russja, l-Bosnia-Herzegovina, l-Azerbaijan u l-Montenegro, b’Gatt jinsisti li minkejja li kull partita se tkun diffiċli, it-tim jinsab preparat biex itejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu f’dawn il-partiti.