Lokali

Is-settur tad-diving se jieħu snin biex jirkupra

“Is-settur tad-diving f’Malta ġie mwarrab fil-pandemija u se jispicca jieħu s-snin biex jirkupra”.

Hekk stqarr Simon Sciberras, il-president tal-assoċjazzjoni professjonali tal-iskejjel tal-għaddasa, f’kummenti li ghadda mall-gazetta Malta Business Weekly.  

Fis-sena 2019, l-industrija tal-għaddasa iġġenerat madwar 38 miljun ewro … bi kważi tmienja fil-mija tat-turisti li ġew Malta f’dik is-sena, ġew għal skopijiet ta’ scuba diving. Numri li bil-pandemija sfumaw fix-xejn. 

Sciberras qal li minħabba r-restrizzjonijiet riġidi u kontinwi li kellna f’pajjizna fl-aħħar xhur, l-ispejjez li sofrew is-sidien tal-iskejjel tad-diving baqgħu gholjin ħafna u laħqu madwar 4,550 euro kull xahar. 

Kawza ta’ dan, xi uħud mill-iskejjel kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom. U saħansittra, il-maġġoranza ta’ dawn iċ-ċentri kellhom ukoll jagħtu lura ammont kbir ta’ refunds lil dawk it-turisti li ħassru l-vaganża tagħhom f’Malta. 

Apparti dan, wieħed ma jistax jinsa l-ammont kbir ta’ fondi li jkun hemm bzonn ghall-manutenzzjoni tal-apparat f’din l-industrija ….bħal dgħajjes, trakkijiet, hubs u insurances. 

Scibberas tenna li għalkemm issa l-iskejjel tal-għaddasa reġgħu fetħu l-bibien tagħhom għat-turisti, il-kotba tal-appuntamenti għax-xhur tas-sajf jinsabu vojta. 

Il-president tal-PDSA qal li sa din il-ġimgħa stess, seta’ jkollhom biss 4 persuni fuq id-dgħajsa. Għalkemm issa dan il-limitu żdied għal sitt persuni – dan l-ammont xorta waħda għadu mhux  sostenibbli. 

Simon Scibberas żied jgħid li għalkemm l-Gvern qed joffri l-għajnuna billi qed iqassam il-vouchers lil għaddasa prospettivi li se jżuru Malta fix-xhur li ġejjin, fadal ħafna xi jsir f’dan is-settur biex jerġa jqum fuq saqajh.