Lokali Qorti

Jammetti pusses ta’ kokaina u ksur ta’ ‘bail’

Żagħżugħ ta’ 22 sena minn Ħal Qormi ammetta li fil-5 ta’ Ġunju li għadda huwa kien fil-pusses ta’ droga kokaina u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest meta fil-ħin li nqabad kellu jkun id-dar. Ryan Falzon inqabad wara ‘road block’ li kien sar minn membri tal-Forzi Armati fl-Imsida.

Id-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb flimkien mal-Ispettur Jonathan Ransley li ressaq lil Falzon qablu li l-Qorti għandha tagħti sentenza ta’ probation u dan minħabba diversi raġunijiet. Ingħad li meta wettaq ir-reat l-akkużat kien għadu kemm isofri minn mewt fil-familja u li kkopera mal-Pulizija.

L-Ispettur Ransley qal ukoll li l-ammont ta’ droga li nstabet fiż-żarbun ta’ Falzon kienet waħda minima u għal użu personali. Sadanittant l-Avukat Franco Debono informa lill-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-liġi tal-‘bail’ li għadha kemm inbidlet u dan wara hu kien issuġerixxa li l-abbozz tal-liġi kien emendat b’tali mod li l-qorti issa se jkollha diskrezzjoni biex timponi l-penali għall-ksur tal-bail.

L-emenda għall-Abbozz li tagħti diskrezzjoni dwar każi ta’ ksur ta’ bail fil-Qorti kienet tressqet fil-Parlament fit-18 ta’ Frar li għadda u li issa għaddiet mill-aħħar stadju. Il-Qorti qalet li hija kienet se tiddiferixxi l-każ għat-trattazzjoni u possibilment għas-sentenza għas-17 ta’ Ġunju li ġej.

Wara li l-partijiet qablu dwar il-ħesien mill-arrest sakemm tingħata s-sentenza, l-Qorti ordnat lil Ryan Falzon biex jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi kuljum, ma jkellimx ix-xhieda tal-Prosekuzzjoni u li jingħata l-pleġġ fuq depożitu ta’ 200 ewro u garanzija personali ta’ elf ewro. Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-akkużat għandu kondotta nadifa.