Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq għodda minn post ta’ kostruzzjoni

Libjan ta’ 49 sena residenti Ħad-Dingli nżamm arrestat mill-Maġistrat Garbriella Vella wara li tressaq il-Qorti mixli li nhar it-Tlieta wara nofs inhar ikkommetta serq ta’ għodda għad-dannu tal-kumpanija Central Asphalt Limited minn post ta’ kostruzzjoni fir-Rabat.

L-Ispettur Stacy Attard qalet li Emad Khalifa Beleed Zweitt inqabad wara li l-ħaddiema li kien fil-post ġibed video mill-mobajl tiegħu ħiereġ b’xi għodda, fosthom ‘jigger’ u baqa’ sejjer. Attard qalet li l-akkużat, li wieġeb mhux ħati tar-reati mixli bihom, jinsab bil-libertà proviżorja fuq każ ieħor u meta mar jiffirma l-Għassa s-Surġent għarfu bħala l-persuna li deher fil-filmat.

Il-Libjan ġie mixli wkoll li daħal fi propjetà ta’ ħaddieħor mingħajr permess u dan bi ħsara tas-sid u li għamel vjolazzjoni oħra kontra propjetà ta’ ħaddieħor. Ġie mixli wkoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati.

L-Avukat Difensur Jason Grima għamel talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat fejn din sabet oġġezzjoni qawwija mill-Prosekuzzjoni li qalet li apparti l-gravità tal-każ, għad iridu jixhdu persuni marbuta mal-każ u għalhekk hemm il-biża li l-provi jiġu kontaminati. L-Ispettur Attard qalet ukoll li ftit aktar minn xahrejn ilu Zweitt ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor u għaldaqtant mhuwiex affidabbli.

L-Avukat Grima qal li ma jaqbilx li jista’ jkun hemm kontaminazzjoni tal-provi minħabba li dawn skont l-istess prosekuzzjoni huma dokumentati permezz tal-filmati. Tenna wkoll li l-klijent tiegħu dak inhar tal-allegat reat sab ix-xogħol u li huwa għandu problema tad-droga u jekk jinżamm arrestat, se jitlef l-impieg u għaldaqstant ikun aktar għaqli jekk ikun hemm ordni ta’ trattament kontra l-vizzju fejn fil-fatt qed jieħu l-mistura. Il-Qorti ċaħdet it-talba fid-dawl tar-reati kommessi, n-nuqqas ta’ affidabbliità tal-akkużat u l-biża ta’ l-intraċċ tal-provi.