Internazzjonali

Jiżdiedu l-miżuri kontra l-Oppożizzjoni fir-Russja

Qorti f’Moska kkonfermat projbizzjoni għall-organizzazzjonijiet politiċi li huma konnessi mal-Kap tal-Oppożizzjoni Alexei Navalny u li issa ġew klassifikati bħala ‘estremisti’.

Navalny hu kritiku ewlieni tal-President Russu Vladimr Putin u bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ ħabs għal allegat ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja relatati ma’ każ ta’ frodi. Navalny qed jiċħad għall-akkużi u qal li s-sentenza ta’ ħabs tiegħu kienet xprunata ‘minn intenzjoni politika’

Intant, l-attivisti li jappoġġjaw  lil Navalny qed jissugraw il-ħabs f’każ li jkomplu jwasslu l-messaġġ tal-Oppożizzjoni. Fl-istess ħin, kulmin jappoġġja pubblikament lin-network politiku ta’ Navalny issa jista’ ikun ipprojbit milli jikkuntesta għal kariga pubblika.

Min-naħa tiegħu, Alexei Navalny wassal messaġġ li h‘mhux se jżomm lura mill-kritika għal Putin u l-Gvern ta’ Moska’ iżda ammetta li s-sostenituri tiegħu ‘iridu jsib mezzi ġodda biex jaħdmu u jwasslu l-messaġġ tagħhom’. Dan ukoll meta l-poplu tar-Russja qed iħejji għall-elezzjonijiet ġenerali ta’ Settembru.