Lokali

Konferma oħra tal-iżbilanċ fix-Xandir Nazzjonali

Konferma oħra tal-iżbilanċ fix-xandir Nazzjonali, dan ħareġ minn ilment li kien preżenta d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi rigward rapurtaġġ li xxandar fil-bulettin tal-aħbarjiet tas-16 ta’ Mejju ta’ din is-sena, bl-Awtorità tax-Xandir tiddikjara li Azzopardi għandu d-dritt ta’ risposta li jkun limitat għall-allegazzjoni li saret fil-konfront tiegħu mill-Ministru Carmelo Abela.

Fl-istqarrija, l-Awtorità qalet illi nnotat li minħabba dikjarazzjoni li kienet saret minn Carmelo Abela u ġiet imxandra fuq il-PBS issa trid tixxandar id-dikjarazzjoni min-naħa ta’ Jason Azzopardi.

Il-PN għal darba tnejn tlieta appella biex l-aħbarjiet tat-TVM ikunu veritieri u bilanċjati.

Fil-fatt, f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet saret eżatt ġimgħa ilu mill-PN dwar l-imparzjalità fir-rappurtaġġ fuq ix-Xandir tal-Istat, din ġiet kompletament iċċensurata mill-PBS. U l-bullettin tat-8pm fuq TVM tal-Ħamis ma ta ebda spazju għal dak li qal il-PN – lanqas 30 sekonda.

Iżda b’kuntrast, TVM sab ħin li jirraporta l-attivitajiet tal-Gvern ta’ matul il-jum.

Dan wassal biex dak li ħareġ mill-konferenza tal-aħbarjiet imtella’ mill-Oppożizzjoni dwar imparzjalità fil-konfront tal-PN fuq ix-Xandir tal-Istat, ġie kompletament injorat.

Tul din il-konferenza tal-aħbarjiet, il-Partit Nazzjonalista pprotesta għall-mod kif ġurnata qabel, ix-Xandir tal-Istat għażel li jiċċensura s-sejħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għar-riżenja jew tkeċċija tal-Ministru Carmelo Abela.