Ambjent Lokali

“Kundannabbli l-aġir ta’ 5 membri tal-PA li rrikużaw ruħhom fl-aħħar ħinijiet” – PN

Il-PN fi stqarrija kkundanna l-imġiba tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar meta ftit ħin biss qabel il-vot finali dwar il-proġett propost minflok is-sit tal-ITS f’Pembroke, ħames membri ta’ dan il-bord iddikjaraw li kienu se jirrikużaw ruħhom mis-smiegħ tal-każ.

Qabel ittieħed dan il-vot, iċ-chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar Vince Cassar, iċ-chairman tal-Awtorità għar-Riżorsi Ambjentali, Victor Axiak, Joseph Brincat u r-rappreżentant tal-NGOs, Annick Bonello, bagħtu nota lill-bord biex jinfurmaw li ddeċidew li jirtiraw mis-seduta. L-avukat Chris Cilia wkoll rrekuża ruħu minħabba potenzjal ta’ kunflitt t’interess.

Il-Partit Nazzjonalista għalkemm huwa favur li min ikollu kunflitt t’interess għandu jiddikjarah, saħaq li huwa kundannabbli huwa l-mod kif dawk li ddikjaraw dan ħallewh għall-aħħar ħinijiet qabel bdiet il-laqgħa

“Awtoritá qiegħdha hemm għax fi ħdanha għandu jkun hemm esperti li jiddeċiedu imma ma jistax ikun li fil-mument tal-prova, meta l-pajjiż ikollu bżonn dawn jabdikaw mir-responsabiltajiet tagħhom.”

Il-PN tenna li dak li ġara jkompli jnaqqar mill-kreddibilita ta’ dan il bord meta jiġi biex jiddeċiedi fuq proġetti ta’ ċertu skala li se jkunu qed iħallu impatt fuq l-ambjent u r-residenti tal-madwar, għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għar-riżenja ta’ dawk li rrikużaw ruħhom minn dan il-vot.

Il-PN illum aktar minn qatt qabel jinsab determinat li jara li jinstab bilanċ ekwu bejn l-iżvilupp u l-ambjent ta’ pajjiżna u dalwaqt se jkun qed iressaq proposti dwar kif entitajiet bħall-Awtoritá tal-Ippjanar għandhom, jibdew jiffunzjonaw u jaġixxu fl-interess tal-ġid komuni, bl-ambjent u l-ippjanar ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin.

Il-Partit Nazzjonalista min-naħa tiegħu huwa determinat li jdaħħal governanza tajba u li jirriforma s-sistema tal-ippjanar preżenti biex l-iżvilupp li jsir ikun iħares l-interessi ta’ kulħadd anke dawk ta’ madwaru.

Għal-laqgħa ta’ dalgħodu kien hemm ukoll preżenti kemm il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista David Thake kif ukoll is-Sindki tal-Partit Nazzjonalista ta’ San Ġiljan u s-Swieqi li ddefendew l-interessi tar-residenti.