Lokali

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jingħata 5 stilel minn Skytrax

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għadu kemm ingħata ħames stilel għall-iniżjattivi tiegħu tas-saħħa u s-sigurta’ b’rabta mal-Covid-19, minn waħda mill-organizazzjonijiet ewlenin fl-industrija tat-trasport tal-arju – Skytrax. B’hekk, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ngħaqad ma’ tmien ajruporti oħrajn minn madwar id-dinja li sa issa rnexxielhom jiksbu dawn il-ħames stilel tant prestiġjużi.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb l-ogħla klassifikazzjoni b’rabta mal-Covid-19 mogħtija minn Skytrax wara li awditur fi ħdan l-organizzazzjoni wettaq evalwazzjoni tal-proċessi, il-protokolli u l-faċilitajiet tal-ajruport fuq medda ta’ tlitt ijiem, b’konformita’ mal-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili u l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Barra mill-osservazzjonijiet li saru tal-protokolli tas-saħħa u s-sigurta’ li qegħdin jiġu segwiti fiż-żoni prinċipali tal-ajruport, parti kbira minn dan l-awditu kienet iddedikata għall-ittestjar ta’ kważi 60 superfiċe, li varjaw minn buttuni ta’ ATMs sal-Puġġamani tal-escalators, sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ sanitizzazzjoni tagħhom. It-testijiet li saru fuq it-trays li jintużaw mill-passiġġieri fiż-żona tal-iskrining tas-sigurta’ taw riżultati li kienu partikolarment impressjonanti.

Rapport ta’ 64 paġna maħruġ minn Skytrax elenka għadd ta’ opportunitajiet għal aktar titjib fl-ajruport kif ukoll għadd ġmielu ta’ oqsma li fihom l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta eċċella matul l-awditu. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rċieva kummenti tassew pożittivi fir-rigward tal-Airport Care Team, bl-awditur jinnota r-rwol sinifikanti li għandu dan it-tim fl-implimentazzjoni ta’ miżuri tas-saħħa u s-sigurta’ li jimmeritaw ħames stilel.

Fir-rapport ġie nnutat ukoll li d-diliġenza tal-istaff tas-sigurta’ u tat-tindif; in-numru ta’ sanitising stations disponibbli; l-iżvilupp ta’ sistema ta’ tabelli konsistenti; u l-ġestjoni tal-ħwienet ta’ madwar l-ajruport ħallew impressjoni partikolarment tajba waqt l-awditu, li wassal sabiex l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ngħata ħames stilel.