Lokali Qorti

L-istazzjonijiet tal-partiti politiċi jitolbu biex jintervjenu fil-proċeduri kontrihom minn Lovin Malta

L-istazzjonijiet  li huma proprjetà taż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’Malta talbu formalment li jkunu parti fil-kawża ppreżentata minn Lovin Malta kontra dispożizzjoni fl-Att dwar ix-Xandir. Is-sit Lovin Malta qed jitlob biex l-istazzjonijiet Net u One ma jibqgħux joperaw u t-talba hija biex jidħol fis-seħħ proviso għall-Artikolu 13 tal-Att dwar ix-Xandir biex jiġi ddikjarat anti-kostituzzjonali.

Il-kawża ġiet ippreżentata kontra l-Avukat tal-Istat u se tibda tinstema’ quddiem l-Imħallef Ian Spiteri Bailey fl-4 ta’ Ottubru li ġej. L-argument ta’ Lovin Malta huwa li l-liġi tippermetti lill-Awtorità tax-Xandir tagħlaq għajnejha Kostituzzjonalment għal imparzjalità fl-aħbarijiet tat-televiżjoni. It-talba tgħid li l-liġi tippermetti propaganda fuq il-premessa li Net u One jibbilanċjaw lil xulxin.

Is-seduta preliminari tal-kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali bdiet il-Ħamis. L-Avukat tal-Istat u Lovin Malta ma oġġezzjonawx li l-istazzjonijiet tal-partit polititiċi jintervjenu fil-każ, iżda Lovin Malta talbet lill-istazzjonijiet biex jiddikjaraw l-interess tagħhom fil-kawża.

L-Avukat Veronica Perici Calascione, li qed tidher għal Media.Link, sid Net TV qalet li se tkun qed tiddikjara l-interess tal-kumpanija fil-jiem li ġejjin. L-avukat Pawlu Lia, f’isem One TV argumenta li jekk il-proviso jiġi ddikjarat anti-kostituzzjonali, din se taffettwa serjament l-operazzjonijiet tal-istazzjon u anke “l-eżistenza tiegħu”.

Fl-4 ta’ Ottubru, l-Imħallef Spiteri Bailey mistenni jiddeċiedi jekk iħallix lil Net u l-One ikunu partijiet fil-kawża. Il-leġiżlazzjoni kienet ġiet introdotta fl-1991. Fiż-żmien dawk l-emendi, l-Gvern kien argumenta li t-trasmissjonijiet tal-partiti eventwalment jibbilanċjaw lil xulxin.

Lovin Malta u l-Kap Eżekuttiv tagħha Christian Peregin qed jitolbu lill-Qorti biex tiddikjara l-proviso kkontestata bħala anti-kostituzzjonali, konsegwentement, invalidu u biex jiġu provduti miżuri adegwati kif xieraq.

Fost il-lista twila ta’ xhieda ta’ profil għoli indikati fir-rikors ġuramentat tagħhom, Lovin Malta għandhom isejħu lill-Presidenti Emeriti Eddie Fenech Adami u George Abela, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, l-Imħallfin Toni Abela u Lawrence Mintoff, bħala ex-membri fundaturi ta’ Alternattiva Demokratika, kif ukoll diversi politiċi, avukati u rappreżentanti ta’ partiti politiċi u tal-midja.