Kowċ Luis Enrique ħasad lil kulħadd meta fl-għażla finali tal-iskwadra, eskluda lill-captain Sergio Ramos, m’għajjat ebda plejer ta’ Real Madrid u għażel 24 minflok 26 plejer
Tnejn mill-aħħar tliet edizzjonijiet tal-Euro kienu mirbuħa minn Spanja. Bħal ma dejjem kienu fl-aħħar snin, La Rojahuma wieħed mill-pajjiżi favoriti li jistgħu jirbħu l-edizzjoni ta’ din is-sena. Fl-2016, fl-aħħar Kampjonati Ewropej, l-Ispanjoli spiċċaw b’togħma qarsa meta fl-istadju tal-aħħar sittax, huma sfaw eliminati kmieni.

Spanja rebħu edizzjoni tal-Euro tliet darbiet, bl-ewwel suċċes immur lura għal 1964.

Is-selezzjoni Spanjola għal din l-edizzjoni tal-Euro hi komposta minn plejers ta’ esperjenza li rebħu fil-passat riċenti, u oħrajn żgħar b’talent.

Luis Enrique
Kowċ ta’ Spanja
17-il partita, 9 rebħiet
Din id-darba, it-tim nazzjonali Spanjol taħt il-gwida teknika ta’ Luis Enrique, jista’ jitqies bħala wieħed ta’ tranżazzjoni. Dan għaliex l-iskwadra magħżula għall-Euro 2020 hi magħmula minn plejers ta’ esperjenza, u li x’aktarx din taf tkun l-aħħar dehra tagħhom f’kompetizzjoni ta’ dan it-tip, iżda għandha wkoll talenti żgħar u emergenti.
Il-captain Spanjol f’din l-edizzjoni se jkun il-midfielder Sergio Busquets, wara li d-difensur ta’ 35 sena, Sergio Ramos tħalla barra l-għażla tal-iskwadra finali ta’ Luis Enrique. Post Sergio Ramos ittieħed mill-Franċiz ta’ Manchester City, Aymeric Laporte. Xahar ilu, Aymeric ingħata l-passaport Spanjol, wara li baqa’ qatt ma ngħata ċ-ċans li jilgħab għal Franza.


Qabel issieħeb lil Manchester City, Laporte għamel seba’ staġuni jilgħab fi Spanja ma’ Athletic Bilbao.
Elementi oħra nieqsa f’din l-edizzjoni se jkunu Jesús Navas, Sergio Canales, Kepa Arrizabalaga u Inigo Martínez. Madankollu l-Ispanjoli se jerġa’ jkollhom fit-tim, l-esperjenza ta’ plejers bħal David de Gea, Jordi Alba, César Azpilicueta, Thiago Alcântara u Álvaro Morata.


Kemm ilu fit-tmexxija ta’ Spanja, Luis Enrique ta prova ta’ kemm jemmen fit-talent żagħżugħ, permezz tad-debutt ta’ diversi talenti interessanti. Dawn huma Pedri ta’ Barcelona, l-attakkant ta’ Leipzig Dani Olmo u d-duo ta’ Manchester City Eric Garcia u Ferran Torres.
B’Luis Enrique fit-tmexxija, kienu diversi l-plejers żgħażagħ li ħatfu ċ-ċans biex jirbħu post fit-tim nazzjonali Spanjol.


L-Ispanjoli, li matul il-grupp ta’ kwalifikazzjoni kienu mmexxija minn Luiz Enrique li eventwalment kellu jwarrab minħabba problemi familjari u assuma l-kariga ta’ kowċ Robert Moreno, iddominaw il-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Il-punti li huma waqqgħu kienu biss f’żewġ dros minn għaxar partiti. Kif mistenni, is-sistema tattika magħżula mill-Ispanjoli għandha tkun waħda offensiva, bil-mod tattiku l-aktar ippreferut minn Luiz Enrique hu dak ta’ 4-3-3. Il-previżjoni hi li Spanja għandha tirbaħ dan il-grupp għalkemm fl-istess waqt, La Furia Roja ma jistgħux jissotovalutaw l-avversarji tagħhom fl-istess grupp.

L-24 plejer ta’ Spanja għall-Euro 2020
Kowċ: Luis Enrique


Gowlkipers: David de Gea (Manchester United), Unai Simon (Athletic Bilbao), Robert Sanchez (Brighton & Hove Albion)
Difensuri: Jose Gaya (Valencia), Jordi Alba (Barcelona), Pau Torres (Villarreal), Aymeric Laporte (Manchester City), Eric Garcia (Manchester City), Diego Llorente (Leeds United), Cesar Azpilicueta (Chelsea), Marcos Llorente (Atletico Madrid)


Midfielders: Sergio Busquets (Barcelona), Rodri Hernandez (Manchester City), Pedri (Barcelona), Thiago Alcantara (Liverpool), Koke (Atletico Madrid), Fabian Ruiz (Napoli)
Attakkanti: Dani Olmo (Leipzig), Mikel Oyarzabal (Real Sociedad), Gerard Moreno (Villarreal), Alvaro Morata (Juventus), Ferran Torres (Manchester City), Adama Traore (Wolves), Pablo Sarabia (PSG)
