Internazzjonali

Renju Unit: Joe Biden imħasseb dwar il-protokoll tal-Irlanda ta’ Fuq

Il-kwistjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea dwar il-kontrolli regolatorji għall-prodotti li qed ikunu trasferiti mir-Renju Unit għall-Irlanda ta’ Fuq mistennija tkun trattati fid-dettall waqt it-taħditiet tal-G7 għall-aktar pajjiżi industrijalizzati tad-dinja.

Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden – li qed jagħmel l-ewwel żjara fir-Renju Unit mindu kien elett fil-kariga f’Novembru – hu mħasseb dwar kif iċ-ċirkustanzi jistgħu jaffettwaw il-Protokoll storiku għall-Irlanda ta’ Fuq.

Biden, li għandu nisel Irlandiż u li dejjem esprima interess fl-Irlanda, hu determinat li t-tilwima dwar il-kummerċ ‘ta’ wara Brexit’ fl-Irlanda ta’ Fuq ma taffettwa qatt il-proċess tal-paċi għal dik il-provinċja.

Fl-istess ħin, il-President Amerikan wissa ċar u tond li l-hekk-imsejjaħ Good Friday Agreement (għall-Irlanda ta’ Fuq li ntlaħaq fl-1997) mgħandux jispiċċa mhedded mit-ttilwim kummerċjali.

Dan wara li l-kapijiet politiċi u tal-kummerċ fl-Irlanda ta’ Fuq wissew li l-kwistjoni partikulari qed tiġġenera tensjoni u instabbilità politika qabel ‘l-istaġun tal-marċi politiċi’ ipprogrammat għax-xahar id-dieħel u li jitqies bħala ‘xprun għall-inkwiet’ bejn il-komunitajiet li jappoġġjaw lill-Ingilterra u l-entitajiet rivali li jridu Irlanda waħda magħquda.

Għaldaqstant  mistenni li Biden iwassal dan il-messaġġ speċifiku lill-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, meta ż-żewġ mexxejja qed iħejju għall-ewwel taħditiet wiċċ-imb-wiċċ li kellhom isiru f’Cornwall, proprju f’lejliet is-summit tal-G7.

Mistenni wkoll li Biden u Johnson jiddiskutu l-ivvjaġġar fuq livell transatlantiku flimkien ma’ ‘Atlantic Charter’ ġdid intiż biex itejjeb ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.

Is-summit tal-G7 hu l-ewwel wieħed li jlaqqa’ flimkien  lill-mexxejja ewlenin mindu bdiet il-pandemija. Ir-rollout tal-tilqim kontra l-coronavirus u l-bidliet fil-klima wkoll mistennija jingħataw importanza fuq l-aġenda tat-taħditiet tas-summit.