Ambjent Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

Robert Abela jirrepeti l-kliem ta’ Joseph Muscat

Skont Robert Abela, il-miri ta’ pajjiżna fl-aħħar snin kienu li nilħqu l-medja. Għalkemm il-Ħamis filghodu, hu stess reġa’ rrepeta kliem Joseph Muscat, li nkunu l-aqwa fid-dinja.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien qed jindirizza konferenza li fiha l-media ma kinitx mistiedna. Dan meta l-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar is-suppost viżjoni ekonomika għall-10 snin li ġejjin.

Hu spjega li l-viżjoni tal-Gvern hi mqassma fuq 5 pilastri, b’wieħed minnhom tkun il-Governanza Tajba, settur li fih il-Labour falla fl-aħħar snin.

Settur ieħor hu l-ambjent, fejn anke hawn, Robert Abela ammetta li l-Gvern Laburista, naqas bi kbir.

Abela indika wkoll li qed jippjana li jbiddel il-mod ta’ kif jiġġenera l-enerġija, mill-gass, possibilment għal xi ħaġa oħra, minkejja l-miljuni li ntefqu fl-Electrogas għal sors iehor li ma semmiex x’inhu.

Robert Abela stqarr li biex jogħlew il-pagi tal-ħaddiema, hemm bżonn li l-ħaddiema jkunu aktar mħarrġa.

Intant, minkejja l-għajta ta’ normalità minn Marzu, imbagħad minn Mejju, imbagħad minn Ġunju meta kien qed jitkellem dwar il-pandemija, Robert Abela ammetta li kien skorret bil-wegħdi tiegħu u s-sitwazzjoni għadha mhix sigura.

Tul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru injora għal kollox il-fatt li rapport tal-awditur ġenerali li se jkun ippublikat dalwaqt jindika serq ta’ €50 miljun mill-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.