Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Maqtula uffiċjali Palestinjani waqt rejd

Żewġ uffiċjali tas-servizzi sigrieti Palestinjani nqatlu mill-qawwiet speċjali ta’ Iżrael li kienu qed iwettqu rejd fuq l-inħawi ta’ Jenin, fix-Xatt tal-Punent okkupat.  Il-qawwiet Iżraeljani – li wħud kienu qed jaħdmu undercover – infiltraw Jenin bl-iskop li jarrestaw lil żewġ Palestinjani suspettati dwar numru ta’ attakki riċenti fuq l-Iżraeljani.

Sadanittant, l-uffiċjali Palestinjani spiċċaw jaqilgħu tiri fatali wara li huma kienu fetħu n-nar fuq il-qawwiet Iżraeljani. Mifhum li l-uffiċjali maqtula deċidew li jintervjenu wara li għamlu żmien isegwu l-iżviluppi tar-rejd – bl-isparatura tħalli tielet uffiċjal Palestinjan ferut serjament u f’periklu tal-mewt.

Aktar tard ħarġu rapporti li fir-rejd inqatel ukoll raġel Palestinjan li kien identifikat bħala ‘wieħed miż-żewġ terroristi imfittxija’.

L-Awtorità Palestinjana bbażata fix-Xatt tal-Punent suppost li qed tikkoordina s-sigurtà taz-zona flimkien ma’ Iżrael u fil-fatt huma rari l-konfronti mal-fruntiera bejn il-membri taż-żewġ entitajiet.

Kelliema għall-Pulizija Iżraeljana mal-fruntiera, intant, ħarġet stqarrija li l-membri tat-taqsima anti-terroristika kienu marru speċifikament f’Jenin biex jarrestaw żewġ membri tal-grupp Jihad Islamiku li kienu suspettati dwar attakki fuq suldati ta’ Iżrael fix-Xatt tal-Punent.