Il-Kamra tal-Avukati sejħet għal laqgħa urġenti għall-Avukati membri kollha.
Dan wara li l-Gvern jidher li jrid jirregola l-professjoni b’mod spezzettat, b’distinzjoni bejn avukati li jagħmlu xogħol iktar tradizzjonali u l-avukati li jipprovdu servizzi legali fost oħrajn.
Waqt id-diskors tiegħu fis-seduta inawgurali tal-Imħallef Ian Spiteri Bailey, il-President tal-Kamra tal-Avukati Louis De Gabriele qal li l-Abbozz ta’ Liġi ippreżentat mill-Gvern qed jipproponi emendi u t-tneħħija ta’ artikli li introduċa l-Gvern stess ftit tal-ġimgħat ilu.
Hu sejjaħ sabiex l-Abbozz ikun sospiż sabiex isiru diskussjonijiet mal-istakeholders kollha.
Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Ian Spiteri Bailey appella sabiex ikun iktar rispett bejn kulmin jaħdem fil-bini tal-Qorti.
Ian Spiteri Bailey hu wieħed mill-erba’ Mħallfin ġodda appuntati mill-President ta’ Malta f’April li għadda flimkien ma’ Neville Camilleri, Audrey Demicoli u Christian Falzon Scerri.
L-Imħallfin Neville Camilleri u Audrey Demicoli kienu Maġistrati filwaqt li l-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Ian Spiteri Bailey għamlu diversi snin jippratikaw bħala avukati.
//= $special ?>