Fl-aħħar edizzjoni tal-Euro, Didier Deschamps u l-plejers tiegħu, tilfu l-finali li kienet organiżżata f’pajjiżhom stess, b’gowl waħdini u deċiżiv, kontra l-Portugal, u fil-ħin barrani.
Dak li ġara f’Pariġi, fil-lejl tal-10 ta’ Lulju 2016, jibqa’ diżappunt kbir għall-Franċiżi. Dakinhar, f’darhom stess, tilfu l-finali tal-Euro 2016 kontra l-Portugall, b’gowl waħdieni u deċiżiv, fil-ħin barrani. Iżda sentejn wara, Franza pattew bil-kbir għal din id-delużjoni u rebħu t-Tazza tad-Dinja. Għalhekk, lejlet il-bidu tal-Euro 2020, il-mira ta’ Franza hi waħda; jerġgħu jaslu sal-finali, iżda din id-darba jirbħuha.
Didier Deschamps ilu fit-tmexxija teknika ta’ din l-iskwadra minn Lulju tal-2012. Matul dan il-perjodu kollu, l-eks captain ta’ dan it-tim, mexxa lil Franza bħala kowċ f’żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u edizzjoni waħda tal-Kampjonati Ewropej. Biex l-era ta’ Deschamps ma’ Franza tkun kompluta, din il-ġenerazzjoni ta’ plejers jonqosha tirbaħ il-Euro. Il-mira ta’ Deschamps u l-bqija tal-iskwadra Franċiża hija possibbli. L-aqwa bookmakers fid-dinja, qed ipoġġu lil Franza u l-Ingilterra, bħala l-aktar favoriti għar-rebħ ta’ din l-edizzjoni.
Is-selezzjoni ta’ 26 plejer Franċiż, tinkludi uċuh ġodda u b’talent kbir, kif ukoll plejers ta’ esperjenza li kienu parti mit-tim li fl-2018 sar champion tad-dinja fir-Russja. Il-pressjoni biex Franza tirbaħ din il-Euro 2020 hi waħda kbira.
Sabiex ikkwalifikaw, Franza rebħu l-grupp rispettiv tagħhom b’differenza ta’ żewġ punti biss, hekk kif it-Turkija kienu avversarji denji għalihom. Fl-għaxar partiti li lagħbu, spikka l-kollettiv tal-Les Bleus u skorjaw ammont impressjonanti ta’ 25 gowl.
L-aqwa skorer tagħhom kien Olivier Giroud b’sitt gowls, u l-bqija tal-gowls l-oħra waslu minn varjazzjoni ta’ diversi plejers differenti. Fost dawn il-plejers kien hemm żewġ attakkanti ta’ età żgħira; Kingsley Coman u Kylian Mbappé. Lejliet din il-kompetizzjoni, fost l-attakkanti magħżula minn Deschamps, reġa’ kien imsejjaħ wara nuqqas ta’ sitt snin, Karim Benzema ta’ 33 sena.
Il-lussu kalċistiku jispikka mhux ftit f’dan it-tim, u Deschamps jista’ jilgħab bi kwalunkwè sistema tattika, iżda x’aktarx dik magħżula se tkun ta’ 4-2-3-1. Ismijiet oħra li ta’ influwenza f’dan it-tim huma Antoine Griezmann, Raphael Varane u Paul Pogba. Ta’ min jinnota li fl-iskwadra finali għall-Euro 2020, Deschamps ħalla barra lil Anthony Martial, Eduardo Camavinga, Ferland Mendy, Alexandre Lacazette, Dayot Upamecano, Theo Hernandez u Houssem Aouar. Dawn l-ismijiet huma konferma tal-lussu ta’ plejers b’kwalitá għandhom Franza llum.