Mill-aħħar edizzjoni li rebħu ‘l hawn, it-tim nazzjonali Portugiż kien kapaċi jiġġedded u welled talenti ta’ plejers ġodda u eċitanti.
Dawk li għandhom perċezzjoni li l-Portugall huma dipendenti fuq Cristiano Ronaldo, allura għandhom fehma żbaljata. Iċ-champions Ewropej fl-aħħar edizzjoni tal-Euro, x’aktarx huma forza akbar milli kienu ħames snin ilu, meta fi Franza kienu rebħu din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba fl-istorja.
Iżda jekk dan hu tim b’potenzjal kbir, il-fatt li jiffurmaw parti mill-istess grupp ta’ Franza u l-Ġermanja, tnissel dubju jekk il-Portugall immexxija mill-kowċ Fernando Santos, jistgħux jerġgħu jirrepetu s-suċċess li kellhom fl-aħħar turnament tal-2016.
Fil-proċess sabiex ikkwalifikaw għal din l-edizzjoni, il-Portugall naqsu milli jirbħu l-grupp rispettiv tagħhom. Kienu l-Ukrajna li temmew l-ewwel u s-Seleção Ewropej warajhom, b’differenza ta’ tliet punti. Ronaldo u l-bqija tilfu l-aktar partita importanti kontra t-tim immexxi minn Andriy Shevchenko, u għal ftit ma rriskjawx posthom fost il-pajjiżi finalisti.
Wara s-suċċess tal-2016, Ronaldo baqa’ parti fundamentali minn din l-iskwadra, iżda madwaru tfaċċaw ismijiet ġodda u li malajr saru uċuh popolari fil-futbol internazzjonali. Uħud minn dawn il-plejers huma Joao Felix, Diogo Jota, Bruno Fernandes u Bernardo Silva.
L-iżvilupp ta’ dawn it-talenti ġodda fit-tim Portugiż, saħansitra wasslu lill-kowċ Fernando Santos ivarja s-sistema tattika u li kienet qed tkun produttiva, dik ta’ 4-4-2, għal waħda aktar offensiva ta’ 4-3-3. Din l-għażla saret bl-għan li tisfrutta aktar l-għażla b’saħħitha ta’ plejers fi rwol offensiv, u li fl-aħħar partiti, inkluż fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, rat lill-Portugall jiskorjaw ħafna gowls.
Mingħajr dubju, il-Portugall huma sfidanti serji biex iżommu t-titlu ta’ champions Ewropej meta wieħed jikkunsidra, fost l-oħrajn, kif plejer bħal Bruno Fernandes ta’ Manchester United, kiber fil-logħob tiegħu u kemm qed ikun mogħti rwol importanti f’din l-iskwadra, flimkien ma’ ismijiet oħra li għandhom l-għatx għar-rebħ, allura bilfors tikkonkludi li Fernando Santos għandu l-għodda meħtieġa biex mill-ġdid iwassal lill-Portugall għas-suċċess aħħari.