L-Ungeriżi fost il-finalisti tal-Euro 2020, għat-tieni darba fl-istorja. L-iskwadra tal-2016 kienet aktar b’saħħitha minn dik tal-lum.
L-Ungerija reġgħu għamluha għall-finali tal-Euro għat-tieni edizzjoni konsekuttiva. Iżda biex waslu s’hawn, triqthom kienet itwal minn tal-oħrajn, hekk kif kellhom jisfurzaw żewġ partiti playoffs, b’rebħiet kontra l-Bulgarija u l-Iżlanda rispettivament.
Meta f’Novembru tal-2019, kienu magħrufa l-gruppi għall-fażi finali tal-Euro 2020, x’aktarx il-Magyarok ħadu x-xokk ta’ ħajjithom. Huma ttellgħu fl-aktar grupp iebes li wieħed qatt seta’ jimmaġina, fl-istess grupp taż-żewġ finalisti tal-aħħar edizzjoni tal-Euro 2016, ir-rebbieħa l-Portugall u l-finalisti telliefa Franza, kif ukoll sfidant ieħor ewlieni għar-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni l-Ġermanja.
Fit-tmexxija teknika tal-Ungerija, t-Taljan Marco Rossi. F’pajjiżu, Rossi mexxa timijiet fid-diviżjonijiet baxxi, iżda meta f’Ġunju tal-2012 sar il-kowċ ta’ Budapest Honvéd FC, fl-ogħla diviżjoni tal-Ungerija, kien hemmhekk meta l-eks plejer ta’ Sampdoria fil-bidu tas-snin 90 beda’ juri l-ħiliet tiegħu bħala kowċ. Fl-istaġun 2016/17 hu mexxa lil dan it-tim għar-rebħ tal-ewwel Kampjonat Ungeriż wara 24 sena u rriżenja. Wara li għamel sena jmexxi klabb fl-ogħla diviżjoni Slovakka, inħatar kowċ nazzjonali tal-Ungerija u matul dan iż-żmien fit-tmexxija, hu kiseb riżultati pożittivi u mill-51 post fir-rankings tad-dinja, illum it-tim nazzjonali Ungeriż jinsab fis-37 post.
Fil-verità, l-iskwadra Ungeriża tal-Euro 2016 kienet aktar b’saħħitha u dakinhar kienu waslu mal-aħħar 16-il tim. Din id-darba, miraklu biss jista’ jwassal lill-Ungerija biex tirrepeti dan ir-riżultat.
Fl-aħħar għaxar partiti, l-Ungerija ta’ Rossi lagħbet b’sistema offensiva ta’ 3-5-2. Din l-għażla tattika tidher li qed tkun suċċess, b’żewġ rebħiet, fost l-oħrajn kontra t-Turkija. Adam Szalai hu l-akbar influwenza ta’ din l-iskwadra u għandu wkoll ir-responsabiltà ta’ captain. Iżda x’aktarx l-akbar attrazzjoni tal-Ungeriżi f’din l-edizzjoni hu l-midfielder ta’ 20 sena li jilgħab ma’ Leipzig, Dominik Szoboszlai. Dan hu plejer li jipposjedi kwalitajiet kbar, iżda wara li ssieħeb mat-tim Ġermaniż f’Jannar li għadda hu kważi ma lagħab xejn minħabba li weġġa’.
Plejers oħra validi f’din l-iskwadra huma l-gowlkiper Peter Gulacsi, li jilgħab ukoll ma’ Leipzig, kif ukoll il-midfielder dinamiku li jilgħab ma’ Bristol City, Adam Nagy.