EURO 2020 Sport

Analiżi | Id-dgħajfin fil-grupp tal-mewt, l-Ungerija

Partitarju tal-Ungerija

L-Ungeriżi fost il-finalisti tal-Euro 2020, għat-tieni darba fl-istorja. L-iskwadra tal-2016 kienet aktar b’saħħitha minn dik tal-lum.

L-Ungerija reġgħu għamluha għall-finali tal-Euro għat-tieni edizzjoni konsekuttiva. Iżda biex waslu s’hawn, triqthom kienet itwal minn tal-oħrajn, hekk kif kellhom jisfurzaw żewġ partiti playoffs, b’rebħiet kontra l-Bulgarija u l-Iżlanda rispettivament.

Ħames snin ilu, meta kienu qed jiddebuttaw fil-Euro 2016, l-Ungerija kienu fit-18-il post fir-rankings tal-FIFA. Illum, jinsabu fis-37 post minn fost il-pajjiżi kollha tad-dinja.

Il-partitarji Ungeriżi, qabel il-bidu tal-Euro 2020, huma konxji mill-fatt li t-tim nazzjonali tagħhom missithom l-agħar polza minn fost il-pajjiżi kollha finalisti.

Meta f’Novembru tal-2019, kienu magħrufa l-gruppi għall-fażi finali tal-Euro 2020, x’aktarx il-Magyarok ħadu x-xokk ta’ ħajjithom. Huma ttellgħu fl-aktar grupp iebes li wieħed qatt seta’ jimmaġina, fl-istess grupp taż-żewġ finalisti tal-aħħar edizzjoni tal-Euro 2016, ir-rebbieħa l-Portugall u l-finalisti telliefa Franza, kif ukoll sfidant ieħor ewlieni għar-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni l-Ġermanja.

Il-kowċ nazzjonali tal-Ungerija, Marco Rossi.

Fit-tmexxija teknika tal-Ungerija, t-Taljan Marco Rossi. F’pajjiżu, Rossi mexxa timijiet fid-diviżjonijiet baxxi, iżda meta f’Ġunju tal-2012 sar il-kowċ ta’ Budapest Honvéd FC, fl-ogħla diviżjoni tal-Ungerija, kien hemmhekk meta l-eks plejer ta’ Sampdoria fil-bidu tas-snin 90 beda’ juri l-ħiliet tiegħu bħala kowċ. Fl-istaġun 2016/17 hu mexxa lil dan it-tim għar-rebħ tal-ewwel Kampjonat Ungeriż wara 24 sena u rriżenja. Wara li għamel sena jmexxi klabb fl-ogħla diviżjoni Slovakka, inħatar kowċ nazzjonali tal-Ungerija u matul dan iż-żmien fit-tmexxija, hu kiseb riżultati pożittivi u mill-51 post fir-rankings tad-dinja, illum it-tim nazzjonali Ungeriż jinsab fis-37 post.

Koreografija milll-isbaħ mill-partitarji tal-Ungerija, waqt waħda mill-partiti riċenti, qabel faqgħet il-COVID-19.

Fil-verità, l-iskwadra Ungeriża tal-Euro 2016 kienet aktar b’saħħitha u dakinhar kienu waslu mal-aħħar 16-il tim. Din id-darba, miraklu biss jista’ jwassal lill-Ungerija biex tirrepeti dan ir-riżultat.

Fl-aħħar għaxar partiti, l-Ungerija ta’ Rossi lagħbet b’sistema offensiva ta’ 3-5-2. Din l-għażla tattika tidher li qed tkun suċċess, b’żewġ rebħiet, fost l-oħrajn kontra t-Turkija. Adam Szalai hu l-akbar influwenza ta’ din l-iskwadra u għandu wkoll ir-responsabiltà ta’ captain. Iżda x’aktarx l-akbar attrazzjoni tal-Ungeriżi f’din l-edizzjoni hu l-midfielder ta’ 20 sena li jilgħab ma’ Leipzig, Dominik Szoboszlai. Dan hu plejer li jipposjedi kwalitajiet kbar, iżda wara li ssieħeb mat-tim Ġermaniż f’Jannar li għadda hu kważi ma lagħab xejn minħabba li weġġa’.

Il-plejers Ungeriżi jiċċelebraw il-kwalifikazzjoni tagħhom għall-Euro 2020.

Plejers oħra validi f’din l-iskwadra huma l-gowlkiper Peter Gulacsi, li jilgħab ukoll ma’ Leipzig, kif ukoll il-midfielder dinamiku li jilgħab ma’ Bristol City, Adam Nagy.

Is-26 plejer tal-Ungerija għall-Euro 2020

Kowċ: Marco Rossi

Gowlkipers: Adam Bogdan (Ferencvaros), Denes Dibusz (Ferencvaros), Peter Gulacsi (Leipzig)

Peter Gulacsi
Loic Nego

Difensuri: Bendeguz Bolla (Fehervar), Endre Botka (Ferencvaros), Attila Fiola (Fehervar), Akos Kecskes (Lugano), Adam Lang (Omonia Nicosia), Gergo Lovrencsics (Ferencvaros), Loic Nego (Fehervar), Willi Orban (Leipzig), Attila Szalai (Fenerbahce)

Midfielders: Tamas Cseri (Mezokovesd), Daniel Gazdag (Philadelphia Union), Laszlo Kleinheisler (Osijek), Adam Nagy (Bristol City), Andras Schafer (Dunajska Streda), David Siger (Ferencvaros), Kevin Varga (Kasımpasa), Roland Varga (MTK Budapest)

Adam Nagy
Nemanja Nikolic

Attakkanti: Janos Hahn (Paks), Filip Holender (Partizan), Nemanja Nikolic (Fehervar), Roland Sallai (Freiburg), Szabolcs Schon (FC Dallas), Adam Szalai (Mainz)