Il-Ġermaniżi rebħu l-aħħar t-trofew ta’ champions tal-Ewropa 25 sena llu
Matul l-aħħar deċennju, il-Ġermanja missew mal-quċċata tal-futbol dinji, meta fl-2014 kienu nkurunati champions mondjali. Fl-aħħar tliet edizzjonijiet konsekuttivi tal-Kampjonati Ewropej, dan it-tim nazzjonali kien konsistenti fil-pożittiv, fir-riżultati li kiseb, madankollu mhux b’xortih biżżejjed biex jirbaħ it-titlu ta’ champion Ewropew. Fl-edizzjoni tal-2008 tilef il-finali kontra Spanja, filwaqt li fl-aħħar żewġ edizzjonijiet konsekuttivi, dawk tal-2012 u l-2016 rispettivament, fid-darbtejn kienu eliminati fis-semifinali.
Għal dawn l-aħħar 15-il sena, it-tim nazzjonali Ġermaniż kellu biss kowċ wieħed; Joachim Löw. Dan kien il-kowċ li mexxa lill-Ġermanja f’era ta’ suċċess u li diġà ħabbar b’ċertezza, li se jkun qed jirriżenja mit-tmexxija ta’ dan it-tim wara l-Euro 2020, b’tama ta’ trijonf, 25 sena wara l-aħħar suċċess tagħhom fl-Ewropa.
Għalkemm il-possibiltajiet tal-Ġermanja li jkollhom edizzjoni suċċess, huma tajbin, jibqa’ fatt li huma se jilgħabu fl-itqal grupp tal-Euro 2020. Taqta’ barra lill-Ungerija, il-Ġermanja se jkunu qed jilgħabu f’stadju daqstant bikri, kontra ċ-champions tad-dinja u tal-Ewropa, Franza u l-Portugall. Minkejja dan, il-Ġermaniżi jibqgħu favoriti li javvanzaw għal mal-aħħar sittax.
Fl-aħħar partiti, konna qed naraw lill-Ġermanja ta’ Löw tilgħab bi tliet difensuri u b’sistema tattika ta’ 3-4-3 jew 3-4-1-2. Madankollu bosta kkritikaw lill-kowċ Ġermaniż għal din l-għażla ta’ formazzjoni. Għaldaqstant pjan B għal Die Mannschaft taf tkun is-sistema offensiva ta’ 4-3-3, li iżda xorta esponiet id-difetti tal-Ġermanja fid-difiża, partikolarment fit-telfa diżastruża ta’ 6-0 kontra Spanja.
L-aħħar riżultati miksuba ma tantx għenu biex tissaħħaħ l-armonija fl-iskwadra u dan il-fatt ħasseb mhux ftit lil Löw, tant li kellu jmur lura mid-deċiżjoni li ħa fil-passat u sejjaħ mill-ġdid lill-veterani, Thomas Müller u Mats Hummels.
Fl-iskwadra preżenti hemm ukoll talenti tassew interessanti bħal Serge Gnabry, Timo Werner u Kai Havertz, li wrew il-potenzjal tagħhom u llum għandhom rwol prominenti fl-istess tim fejn hemm inkluża wkoll il-preżenza ta’ uċuh b’esperjenza bħal Toni Kroos, Ilkay Gundogan u Manuel Neuer.
Nieqsa mill-lista ta’ 26 plejer hemm il-gowlkiper ta’ riżerva, Marc-André ter Stegen u l-attakkant, u captain ta’ Borrusia Dortmund, Marco Reus.