X’aktarx, l-Ingilterra, qatt daqs din id-darba, m’għandhom pressjoni biex jiksbu r-riżultati u allura li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni, inaqxu isimhom fost ir-rebbieħa matul is-snin ta’ champions tal-Ewropa. Taħt it-tmexxija tal-kowċ Gareth Southgate, l-Ingliżi se jkunu qed jilgħabu fl-istess grupp tal-Iskozja, tal-finalisti telliefa fl-aħħar Tazza tad-Dinja, il-Kroazja u r-Repubblik Ċeka.
Analiżi | Ingilterra
Il-bookmakers qed ipoġġu lill-Ingilterra u Franza bħala l-aktar favoriti li jsiru champions tal-Ewropa fit-tmiem ta’ din l-edizzjoni. Il-qafas ta’ dan it-tim hu mibni madwar il-captain u l-iskorer prolifiku ta’ Tottenham, Harry Kane. Madwaru pero hemm diversi plejers ta’ talent u li jagħmlu din l-iskwadra Ingliża tassew interessanti.
Analiżi | Kroazja
Wara s-suċċess li kellhom fl-aħħar Tazza tad-Dinja, il-Kroazja tilfet għaxar postijiet fil-klassifika tar-rankings tal-FIFA. Il-kowċ għadu l-istess, iżda llum jinsabu fl-14-il post minn fost il-pajjiżi tad-dinja.Mill-aħħar Tazza tad-Dinja tal-2018, irtiraw mill-iskwadra Kroata, Danijiel Subasic, Mario Mandzukic u Ivan Rakitic. Fl-iskwadra preżenti hemm plejers ġodda u b’talent. Fil-veritá, din l-edizzjoni għandha tkun waħda interessanti għall-Kroazja, biex wieħed jiżien is-saħħa tagħhom fil-mument.
Analiżi | Skozja
F’dawn l-aħħar għoxrin sena u aktar, l-Iskozja kellhom nixfa fil-progress tagħhom fil-futbol, tant li ma rnexxilhomx jiksbu kwalifikazzjoni kemm għat-Tazza tad-Dinja kif ukoll għal edizzjoni tal-Euro. Madankollu fl-2021, taħt it-tmexxija tal-kowċ bravu, Steve Clarke, it-tim nazzjonali Skoċċiz hu mill-ġdid fost it-timijiet finalisti, b’ħafna jbassru li fil-Euro 2020, dan it-tim jista’ jkun is-sorpriża s-sabiħa tat-turnament.
Analiżi | Repubblika Ċeka
Meta mqabbel mal-passat, ir-Repubblika Ċeka m’għadhix il-forza li kienet qabel. Huma se jilgħabu f’din il-Euro 2020, mingħajr ebda ambizzjonijiet żejda għalkemm wieħed irid jirrikonoxxi l-fatt, li l-istil ta’ logħba li jilgħab biha l-kowċ tat-tim, Jaroslav Šilhavý kultant tagħmilha diffiċli għal kwalunkwé avversarju biex jinfed liċ-Ċeki.
//= $special ?>