Coronavirus Ekonomija Kultura Lokali Mużika

Attivitajiet b’udjenza bilqiegħda u limitata mill-5 ta’ Lulju

Mit-Tnejn, 5 ta’ Lulju min hu vvaċċinat u għandu ċ-ċertifikat tal-vaċċin jista’ jattendi għal attivitajiet meqjusin bħala soċjali u kulturali, għalkemm irid jibqa’ l-ħin kollu bilqiegħda u liebes il-maskra.

Hekk ħabbar id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet, akkumpanjat mill-Ministru tal-Kultura Jose Herrera u s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Organizzatur se jinżamm responsabbli li kulmin jattendi jkollu ċ-ċertifikat tal-vaċċin u li fil-post ma jkollux aktar mill-ammont massimu ta’ persuni. Dan hekk kif l-attività tista’ ssir biss f’ambjent magħluq – kemm ġewwa u anke barra – li jkollu dħul u ħruġ separati.

U filwaqt li għandha tinżamm il-limitazzjoni ta’ persuna waħda għal kull erba’ metri kwadri ta’ spazju, bejn il-5 u t-18 ta’ Lulju ma jistax ikun hemm aktar minn 100 persuna, bejn id-19 ta’ Lulju u l-1 ta’ Awwissu ma jistax ikun hemm aktar minn 150 persuna u mit-2 ta’ Awwissu ma jistax ikun hemm aktar minn 200 persuna fl-attivita li tigi organizzata. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux l-istaff tal-attività, it-tekniċi jew l-artisti, li wkoll irid ikollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Twila kemm tkun twila l-attività, ma jistax ikun hemm intermissjonijiet, bil-persuni jistgħu jqumu bilwieqfa biss biex imorru t-toilet. Min-naħa l-oħra, ma jistax isir tipjip fiz-zona tal-attività – anke jekk tkun fil-miftuħ. Barra minhekk, mhux ċar kif se jkun qed jinbigħ l-alkoħol – jekk hux se jkunu permessi zoni għal bars jew b’servizz fil-post fejn wieħed ikun bilqiegħda, bħal fil-każ tal-ikel.

Min-naħa tagħhom, l-Organizzaturi huma obbligati wkoll jieħdu isem kull persuna li tkun se tattendi, kif ukoll il-post fejn dawn ipoġġu, b’din l-informazzjoni għandha tinżamm għal 28 ġurnata. Dan filwaqt li għandhom jaraw ukoll kif, barra z-zona tal-attività, iħallu perimetru ta’ bejn ħames u 10 metri biex żgur ma jinġabrux nies isegwu bilwieqfa.

Sadanittant, mistoqsi minn NET News, id-Deputat Prim Ministru qal li dan is-suppost tnaqqis ta’ restrizzjonijiet sar wara diskussjonijiet mal-operaturi tas-settur. Madankollu, l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-Industrija tal-Arti u d-Divertiment (MEIA) giddbitu meta – fuq Facebook – iddikjarat li l-Gvern ma kkomunikax mal-Uffiċjali tagħha wara li dawn ippreżentaw il-proposti f’isem il-membri tal-Assoċjazzjoni.

Barra minhekk, minkejja li dan is-settur ilu wieqaf għal diversi xhur, jidher li ntesa għalkollox mill-Gvern ta’ Robert Abela. U dan ikkonfermah il-Ministru tal-Kultura, li qal li għadhom qed jiddiskutu xi skemi jistgħu jsiru biex ikunu mgħejjunin dawn l-operaturi. U dan minkejja li l-MEIA fakkret kif ilha li ppreżentat il-proposti tagħha lill-Gvern, u issa qed tħossha ddiskriminata fil-konfront ta’ setturi oħrajn.