Lokali

Ħsara kontinwa lir-reputazzjoni ta’ Malta

Kwalunkwe flus li seta daħħal jew qed idaħħal pajjiżna, dawn ma jagħmlux tajjeb għall-ħsara kontinwa li qed issir lir-reputazzjoni ta’ Malta bl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Isostni dan il-ġurnal The Malta Independent li fl-editorjal tieghu kkummenta dwar l-aħħar aħbar li l-Kummissjoni Ewropea se tkompli bil-proċedura ta’ ksur fil-konfront tal-Gvern Malti fuq il-bejgħ tal-passaporti.

L-Editorjal isemmi li kif il-proċess suppost rigoruż kien mimli toqob minn fejn l-applikanti setgħu jgħaddu biex xorta jiksbu l-passaport Malti mingħajr ma josservaw il-kundizzjonijiet.

Ħafna applikanti bilkemm qattgħu ġurnata waħda f’Malta u flok vilel, dawn il-miljunarji kienu jixtru jew jikru post żgħir u saħansitra jippubblikaw rċevuta mis-Serkin bħala prova ta’ rabta ma’ Malta.

Agħar minn hekk, ikompli l-editorjal, jidher li l-Gvern Malti assista lil individwi jiksru l-liġi ta’ pajjiżhom billi ħeba isimhom mil-lista li tkun pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern għaliex il-pajjiż tal-oriġini tagħhom ma jippermettix ċittadini tiegħu ikollhom ċittadinanza ta’ pajjiż ieħor.

The Malta Independent tghid illi filwaqt li l-Gvern Malti qed jibqa’ jinsisti li hi kompetenza tiegħu lil min jagħti jew ma jagħtix passaport u ċittadinanzi, il-Gvern jidher li mhux jifhem li mill-2004 ‘l hawn, il-passaport Malti hu wkoll passaport għall-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern iddefenda wkoll l-iskema għaliex intużat biex tiffinanzja proġetti ta’ natura soċjali iżda fir-realta’, li tiffinanzja proġetti ta’ fejda ma jnaqqas xejn mill-fatt li l-iskema innifisha hi dubjuża.

L-editorjal itemm bit-tama li l-Gvern jirrealizza li l-ħsara kontinwa li l-bejgħ ta’ ċittadinanza qed tagħmel lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, ma tiswix il-ġlied biex iżommha.